Ma nistax ma nerġax nitkellem fuq it-traġedja umanitarja kemm f’Gaza u anke l-vjolenza li ma waqfet qatt mill-kolonizzaturi fix-Xatt tal-Punent. Malta għandha tibqa’, bħal ma dejjem għamlet, tappoġġja lill-poplu Palestinjan fit-triq twila u mdemmija tiegħu biex jeħles mill-madmad mal-kolonizazzjoni u l-apartheid impost mill-istat Iżraeljan.
Huwa tassew ta’ għajb li l-Ġermanja, Franza, u l-Italja, fost pajjiżi oħra, ikomplu jappoġġjaw lill-gvern fundamentalista, qattiel, razzist u estremista Iżraeljan. Pajjiż li dejjem ġie jaqa’ u jqum mir-reżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Dażgur li nikkundanna l-atroċitajiet tal-Ħamas, imma mhux se niddejjaq ngħid li l-atroċitajiet huma wkoll frott tad-disperazzjoni, ta’ rabja miġmugħa tul is-snin minn wara l-ewwel gwerra dinjija meta bdiet il-kolonizazzjoni kattiva, u t-tindif etniku tal-Palestina, frott tal-protestantiżmu fundamentalista, tal-arroganza u s-sens ta’ superjorità tal-Imperu Ingliż.
Wara t-tieni gwerra dinjija mbagħad bi pjan tal-Istati Uniti, l-Unjoni Sovjetika u r-Renju Unit tkeċċew mas-700,000 Palestinjan bil-forza minn djarhom u pajjiżhom. Kif tista’ ma tirrikonoxxix dawn l-inġustizzji enormi? Kif tista’ tiġġustifika illum fis-snin 2023 u 2024 tfal u trabi jmutu bil-ġuħ? 30,000 ruħ immassakrati mill-Iżrael? Il-qtil tal-Ħamas ta’ 1,200 persuna fi djarhom u waqt festival tal-mużika mhux ġustifikat, imma lanqas ma jiġġustifika l-qtil ta’ 30 darba aktar ta’ Palestinjani bi tpattija, qisu xejn m’hu xejn.
Għall-anqas hemm pajjiżi bħall-Belġju, l-Irlanda, n-Norveġja u Spanja li qed jikkundannaw dak li qed jagħmel l-istat Iżraeljan. Ħasra li mhux b’saħħithom biżżejjed biex iwaqqfu dal-massakru. Kemm kellna raġun nitkellmu kontra l-parteċipazzjoni ta’ min jappoġġja lir-reġim Iżraeljan bħal Netta waqt EuroPride. Vera li kienet xi ħaġa simbolika, imma hemm bżonn nibqgħu nirreżistu kif nistgħu lil min imexxi politika razzista, ta’ kolonizazzjoni u ta’ apartheid.
Leave a Reply