Ftit ħsibijiet… (2)

(1) Ħasra li l-istorja ta’ pedestrijanizazzjoni fil-Mosta (għalkemm pedestrijanizazzjoni pjuttost parzjali, xorta se jinkiseb ftit aktar spazju verament għall-pubbliku) kellha tispiċċa kwestjoni dwar siġar tal-fikus. Ħasra għax fir-ritratti oriġinali li juru kif se jidher il-proġett kienu jidhru li se jibqgħu hemm. Li missu sar huwa li żdiedu AKTAR siġar ma dawk li diġa hemm – u le mhux fikus, mhux aktar lok li jitħawwlu siġar tal-fikus ‘ġodda’ għal ħafna raġunijiet.

(2) Ħasra wkoll li l-ebda gvern, almenu minn meta litteralment spiċċat topera l-mixtla tal-gvern f’Ħ’Attard biex minflok saret aktar post fejn jinżammu siġar importati – ma ta importanza xierqa lil mixtla pubblika li tkabbar siġar fuq tul ta’ żmien biex dejjem ikun hemm numru xieraq ta’ siġar mkabbrin lokalment ta’ daqs raġonevoli biex jitħawwli meta u fejn ikun hemm bżonn. It-tkabbir jieħu ż-żmien u l-pażenzja u ma tantx huwa kummerċjalment vijabbli barra l-fatt xjentifiku li siġar minn stokk u sorsi lokali ħafna aħjar. Naf li hawn għaqdiet volontarji li jagħmlu wkoll xogħol utili f’dal-qasam, imma t-tkabbir fuq medda ta’ 10 jew15-il sena jieħu l-ħin, psazju u riżorsi. Lanqas m’jiena kontra li jkun hawn mixtliet kummerċjali, imma dawn iridu jkunu marbuta jagħmlu xogħolhom sew biex jissupplixxu lill-gvern, kunsilli lokali u x’naf jien – mhux importazzjoni bl-addoċċ!

(3) Bil-ftaħir ta’ Project Green b’kollox – barra li aktar moħħhom fil-parkeġġi għall-karozzi u postijiet diġa eżistenti minflok verament spazji ġodda – huwa ovvju li dan huwa biss ‘proġett’ propagandistiku u kandidat Laburista għall-protege ta’ Miriam Dalli, Steve Ellul. M’hemmx pjanar fit-tul, m’hemmx pjanijiet għal mixtla mmexxija fuq bażi xjentifika. Aġenziji oħra tal-gvern fl-istess qasam ‘Parks’ u ‘Ambjent Malta’ bla riżorsi, la umani u lanqas finanzjarji. Infurmat li l-‘Parks’ issa ġiet assorbita minn ‘Project Green’ – imsieken spiċċaw ma’ aġenzija tal-konkos, il-parkeġġi u l-importazzjoni tax-xitel biex jidher il-fanfru Steve! L-aqwa li vvintaw aġenzija ġdida biex il-kandidat tal-Labour ikollu okkazjonijiet biex jiffanfra, sa jmur fuq it-TV jagħti l-opinjoni politika tiegħu meta ħaddiema oħra mal-gvern jaraw kif jiskoraġġuhom milli jiftħu ħalqhom. Imma Steve speċjali – blue eyed boy. Lanqas jippruvaw jaħbu għalfejn tpoġġew fejn tpoġġew, għax dawn in-nies ma jafux jistħu.

(4) Ħabib tiegħi li jifhem mhux ftit fis-siġar utli għal żoni urbani semmieli l-‘Southern Nettle Tree’ jew siġra tal-bagular (Celtis australis – għalkemm mhux Awstraljana u lanqas m’hi ‘xewk’. L-isem minħabba l-forma tal-weraq). Jidhirli li hemm ringiela kif taqbeż iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija. Protetta u rari. U wkoll imponenti meta tikber sew. Idea tajba Samuel, hemm bżonn jintużaw aktar! Hemm aktar – imma m’hemmx ir-rieda u l-fondi għal pjan serju – ikluż tħawwil u immaniġġjar fejn u kif suppost – dwar is-siġar urbani.

Aktar informazzjoni: https://www.maltawildplants.com/CANB/Celtis_australis.php

Ritratt meħud minn ‘Trees of San Anton and more’ https://www.facebook.com/groups/560381418029234/posts/964556407611731/

(4) Aħbar dwar strateġija għas-superyacths. Is-soltu buzz words: ‘sostenibbli’, ‘diġitali’, ‘tkabbir’. Tkabbir mingħajr limiti qatt m’hu sostenibbli. Aktar marinas mhux sostenibbli – erġajna, lanqas idea ta’ limiti!

Farrugia said that Malta’s yachting vision has support from the Nationalist Party and thanked PN maritime spokesperson Ivan Castillo for attending the document’s unveiling. 

https://timesofmalta.com/articles/view/transport-minister-wants-marinas-attract-superyachts.1068699

Tkabbir mingħajr limiti mhux sostenibbli, anke jekk jaqblu l-PL u l-PN: id-definizzjonijiet mhux huma jagħmluhom! 1,100 reġistrati mhux biżżejjed? X’inhu biżżejjed? Kemm hu biżżejjed? Dawn huma l-mistoqsijiet importanti.

Kontu tafu x’inhi l-attrazzjoni ta’ Malta għal superyacths li jixorbu d-diesel qisu ilma? Li b’kutrumbajsi legali s-sidien multimiljunarji ta’ dawn is-superyachts ‘jikru’ dawn is-superyachts minn kumpanija tagħhom stess u allura jieħdu l-VAT lura! Iva mela, min jiflaħ, min jaħraq id-diesel u jniġġes bl-addoċċ jispiċċa jiffranka l-VAT. Imbagħad hemm ir-rifużjoni tat-taxxa għax is-sidien tal-kumpanija mhux residenti f’Malta. Mela! U minflok iħallsu t-taxxa tal-kumpaniji sħiħa ta’ 35% jieħdu 5/6 lura, u jispiċċaw iħallsu rata effettiva ta’ 5%. X’għerf! Dik sostenibilita li mid-dehra jaqblu fuqha l-PLPN! Dik ‘Malta ġusta’! Dik ġustizzja soċjali u ambjentali! (Google search bil-frażijiet ‘taxation superyachts malta’ malajr ittik lista ta’ kumpaniji jispjegaw kif taħdem il-biċċa). Aktar tniġġis u anqas taxxi għall-biljunarji.

L-istorja fit-timesofmalta.com: https://timesofmalta.com/articles/view/transport-minister-wants-marinas-attract-superyachts.1068699

Aqra aktar dwar l-industrija ‘sostenibbli’ tal-PLPN! ‘How superyachts symbolize climate breakdown’ https://www.dw.com/en/superyachts-symbolize-climate-breakdown/a-61245302


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *