PPE – il-partit tal-pestiċidi fl-ikel

L-attakk fuq il-Green New Deal, fuq il-miżuri dwar il-bidla fil-klima u fuq l-istrateġija Ewropea ‘Mill-għalqa sal-platt’ (Farm to fork strategy) kull ma’ jmur qed tiħrax. Dil-battalja maħmuġa kontra n-nies, kontra l-kwalità tal-ħajja u kontra n-natura hija mmexxija minn Manfred Weber, il-President tal-Partit Popolari Ewropew. Il-konservattivi ‘pro-business’ spiċċaw il-porta-vuċi tal-multinazzjonali. Il-partit Malti membru tal-PPE huwa l-Partit Nazzjonalista. Il-PPE qiegħed ukoll jmexxi battalja moqżieża kontra l-liġi dwar ir-restawr tan-natura. S’issa kuntrarju ta’ xi delegazzjonijiet ta’ Membri Parlamentari Ewropej tal-PPE li qed jiddejqu bil-manuvri estremisti ta’ Weber, ma jidhirx li l-Partit Nazzjonalista wera xi dissens.

Lura għall-pestiċidi, il-multinazzjonali tal-pestiċidi sabu s-sostenn tal-PPE fil-kilba tagħhom għall-flus. Ġiethom ix-xoqqa f’moxtha bil-gwerra Russa fuq l-Ukrajna biex ibeżżgħu bil-periklu ta’ nuqqas t’ikel. L-argument tagħhom huwa li għandhom jintużaw il-pestiċidi mingħajr kontroll biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel. Fir-realtà m’hemmx problema ta’ nuqqas ta’ ikel fl-Unjoni Ewropea, anzi hemm ħela kbira ta’ ikel!

Huwa ċar li għall-PPE il-prinċipji huma biss inkonvenjenza – meta jaraw li jistgħu jiggwadanjaw billi jingħoġbu ma’ xi settur speċifiku addio s-saħħa tiegħek. Jivvintaw u jikkontradixxu s-sewwa magħruf. Mhux vera li tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi jnaqqas l-produzzjoni tal-ikel.

Partiti li jagħmlu alleanzi mal-lemin-estrem, bla prinċipji u porta-vuċi għal min hu b’saħħtu ma’ ħaqqhomx il-vot.

Il-Ħodor fil-Parlament Ewropew jibqgħu l-aħjar garanzija għal azzjoni favur il-klima, favur is-saħħa tan-nies u favur kwalità ta’ ħajja aħjar.

U kif qegħdin fiż-żifna, agħmel ftit pressjoni biex fit-12 ta’ Lulju l-Parlament Ewropew jivvota favur il-liġi dwar ir-restawr tan-natura.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *