L-emfasi fuq t-toroq għall-karozzi – riċetta għat-traġedji

F’din l-intervista https://www.independent.com.mt/articles/2023-06-04/local-news/Free-public-transport-Government-to-take-stock-of-measure-and-see-if-it-s-value-for-money-6736252415 fuq The Malta Independent, il-Ministru tat-Trasport jidher li nduna li l-karozzi tal-linja qed jeħlu fit-traffiku, u li għalkemm b’xejn (iġifieri mħallsin direttament mill-gvern) tista’ tonfoq u żżid aktar karozzi tal-linja għax jekk imwaħħlin, imwaħħlin se jibqgħu! Aaron Farrugia jsemmi rapporti bħat-Transport Master Plan u jammetti li affarijiet bħal per eżempju ‘bus priority lanes’ ma sarux. X’inhu l-iskop li jintefqu l-flus f’konsulenzi jekk ir-rakkomandazzjonijiet ma jitwettqux? Se jara kif jitnaqqas l-ispazju għall-karozzi u jżid l-ispazju għal mezzi oħra ta’ trasport, fosthom dak pubbliku?

Fl-intervista jgħid:

He said that he receives complaints about the reduction in car lanes for bicycle lanes.

“The country needs to decide what direction it will go for. Politicians are not there to be popular, but to do what the country needs. If we decided that the country needs, like all countries, active mobility routes, so be it.”

Għandu raġun, imma s’issa l-prijorita kienet il-popolarita, u nilgħab imħatra li fil-klima politika tagħna biex ma ‘jpaxxux’ lil PN hekk se nibqgħu. Wisq nibża’ li minħabba numru kbir ta’ votanti tal-PLPN, iġifieri dawk li jeqirdu u jingħu għax naqset xi ‘lane’, ‘għax il-bankina wiesgħa wisq’, u għax imsieken se jkollhom jixu żewġ passi, mhux se jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Dawn it-tip ta’ votanti se jkomplu jkollhom influwenza kbira wisq fuq il-politiċi. U ovvjament il-PL u l-PN se jkomplu bl-istorja tas-soltu: lil dawn it-tip ta’ nies se jkomplu jagħtu kashom.

Il-ġimgħa li għaddiet ma’ Brian Decelis tkellimt dwar is-sigurta fit-toroq f’Ħ’Attard. Dan is-suġġett jorbot ukoll mal-bidla li jeħtieġ lejn emfasi fuq mobilita sostenibbli. Hawn taħt silta minn dak li għidna:

Brian Decelis, PRO ta’ ADPD qal li t-toroq li tant ftaħru bihom il-Ministri, saru trakki tat-tlielaq, bil-veloċitajiet per eżempju fis-Central Link jaslu saħansitra sa 157 kilometru fis-siegħa. “Se ngħiduha ċara u tonda. Hawn sens ta’ traskuraġni anke għax l-infurzar huwa fjakk u allura hawn min jaf li mhux se jeħel wisq jekk isuq b’mod traskurat. Min jaqbeż ċertu veloċitajiet għandha tittieħidlu l-liċenzja tas-sewqan b’mod permanenti. Dawn in-nies mhux posthom isuqu. Huma ta’ periklu għal ħaddieħor, qed jirrendu karozza arma qattiela. Irridu niddiskutu wkoll jekk għandux jidħol reat speċifiku ta’ qtil permezz ta’ vettura, għax min isuq b’mod eċċessiv ikun jaf u konxju li qed jagħmel hekk, u konxju wkoll dwar l-effetti devastanti ta’ inċident. Is-sewqan perikoluż għandu jkun kastigat b’mod aħrax.”

“Kif ipprevedejna, toroq wesgħin iwasslu għal aktar veloċità, aktar imwiet, u wkoll aktar traffiku u tniġġis. Dan sar b’ħela ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea f’toroq li huma kontra l-miri tal-UE stess dwar il-klima u t-trasport sostenibbli. Fl-istess ħin bin-nuqqas ta’ ħsieb il-karozzi tal-linja qed jibqgħu jeħlu fit-traffiku, min jagħżel mezzi nodfa ta’ trasport –  bħal roti, pedelecs u scooters – qed jispiċċa qalb karrozzi misjuqa bl-addoċċ, u n-nies qed tispiċċa tibża’ timxi fit-toroq. Anzi politiċi tal-partiti l-oħra jitkellmu kontra trasport bħal-iscooters u ma jgħidu xejn dwar il-pandemija ta’ karozzi li jimblukkaw it-toroq jew jinstaqu bl-addoċċ u joqtlu n-nies”, temm jgħid Decelis.

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party qal li l-konġestjoni u s-sewqan bl-addoċċ huma riżultat ta’ mentalità skaduta u n-nuqqas ta’ prijorità fit-toroq għal mezzi pubbliċi ta’ trasport u għat-trasport nadif u sostenibbli. “Gvern wara ieħor wiegħed lin-nies użu indiskriminat tal-karozza, parking bl-addoċċ kullimkien u fejn ġie ġie, bankini mogħtija lin-negozji u imblukkati bil-barka tal-awtoritajiet. Il-biċċa hija li l-gvern qed ikompli jinjora l-pjanijiet tiegħu stess. Jonfoq il-mijiet ta’ eluf f’konsulenzi imma mbagħad jinjora r-rapporti. Dan ħela ta’ flus, ħela ta’ fondi Ewropej u daħq fil-wiċċ.”

“Tafu per eżempju li l-gvern fl-Istrateġija dwar l-ivjaġġar bir-roti u roti elettriċi għamel mira ta’ irduppjar tal-ivjaġġar bir-roti sal-2050? Din il-mira l-ewwelnett hija fjakka immens, u turi kemm il-gvern mhux kommess lejn dak li jissejjaħ modal shift. Tafu li l-gvern qed jinjora prattikament kompletament it-Transport Master Plan 2025? L-istrateġija tal-gvern ċar u tond tgħid li l-għan tiegħu hija li tonqos l-importanza u d-dipendenza fuq il-karozza. Miriam Dalli, l-Ministru tal-Ambjent qalet li l-mira tal-gvern hija li jonqsu l-karozzi fit-toroq b’41% tan-numru tal-karozzi fl-1990 sal-2030. Smajtu sew. Li għadna ma nafux huwa x’miżuri konkreti se jittieħdu biex tiġi implementata dil-politika li twassal biex jintlaħaq dan il-għan!”

“Il-gvern għandu jibda billi jimplimenta l-Master Plan tiegħu stess li jitlob għal low emission zones fil-qalba tal-ibliet u busways segregati biex tal-linja ssir aktar effiċjenti fl-aktar żoni popolati, fost affarijiet oħra. Karreġġjati segregati għal tal-linja fuq skala akbar jistgħu jiġu żviluppati f’sistema ta’ Bus Rapid Transit – fejn il-karozzi tal-linja jkollhom prijorità assoluta fuq traffiku ieħor. Hemm ukoll l-ħtieġa li l-karozzi jinżammu ‘l barra miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula, b’servizzi reġjonali ta’ trasport u toroq sikuri għal trasport alternattiv bħar-roti u roti elettriċi. Ftakru li kull persuna li tuża r-rota tfisser karozza anqas fit-toroq. Wasal iż-żmien ukoll li r-rotot prinċipali jkollhom kollha bicycle lane separata mill-vetturi. Jekk il-karreġġjati tal-karozzi jidjiequ, kif mid-dehra qed isir fil-bypass tal-Imrieħel l-ispazju mirbuħ għandu jingħata lit-trasport alternattiv bħar-roti, roti elettriċi u scooter u mhux lill-karozzi. B’hekk biss nistgħu jkollna toroq għan-nies u mhux għat-tniġġis u għall-veloċità li toqtol!”  temm jgħid Cassar.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *