Bis-software jew le n-nuqqas ta’ infurzar il-problema prinċipali

Mid-dehra l-ittri ‘AI’ – intelliġenza artifiċjali – saru buzzword. Artiklu fit-timesofmalta jgħid li se jintuża software ‘AI powered’ biex jqabbel id-dħul, l-assi, u informazzjoni oħra ta’ persuni mad-dikjarazzjoni tad-dħul tagħhom biex il-gvern jiskopri aktar faċilment min qed jevadi t-taxxa. Bażikament għandi nifhem li das-software janalizza informazzjoni li diġa għandu aċċess għaliha l-gvern, ovvjament b’mod aktar effiċjenti. Tajjeb.

Ilna nisimgħu li l-gvern irid li dawk li jevadu t-taxxi jinqabdu u jagħtu s-sehem dovut minnhom lejn is-soċjeta. Imma irrid nara biex nemmen. In-narrattiva s’issa dejjem kienet ta’ amnestiji pjuttost regolari, ta’ agħmel li għandek tagħmel u nagħlqu għajn waħda, u ta’ nuqqas kbir ta’ infurzar ta’ kull xorta ta’ liġi. Clyde Caruana jgħid ħafna affarijiet, imma ħafna drabi għandi l-impressjoni li qed jiġi injorat minn sħabu stess, inkluż minn Robert Abela. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu mhux qed jiġu sostnuti u appoġġjati mill-Prim Ministru. Il-bidla fil-kultura li jrid Clyde Caruana ma jridhiex Robert Abela. Forsi żbaljat. Imma ma naħsibx. Tant hija dawgħa l-kelma ‘taxxa’ fid-dizzjunarju Laburista, li qajla tisma xejn fuq kif min jevadi t-taxxa fl-aħħar mill-aħħar qed iwaħħlu lill-ħaddiema u impjegati li awtomatikament jikkontribwixxu dak dovut minnhom lill-pajjiż.

Niftakru wkoll li gvernijiet Maltin jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa minn multimiljunarji barranin, permezz tal-hekk imsejjħa letterbox companies. Biex tinbidel il-kultura fost il-Maltin, il-gvern irid ibiddel il-kultura tiegħu stess. Kif jippretendi li kulħadd f’Malta jikkontribwixxi sehmu, m’għandux jirreklama lil Malta bħala post fejn is-sinjuruni jevitaw it-taxxi – is-sehem tagħhom lejn is-soċjeta li fiha jgħixu. Għax ovvjament pajjiżi oħra, ġustament, qed jitilfu l-paċenzja. Anke Malta stess tbati mill-evażjoni internazzjonali tat-taxxa. Fl-interess tagħna lkoll li l-mustaċċuni jinqabdu u jħallsu!


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *