Emerġenza klima… dejjem tiggrava!

Fost il-taħwid fix-xena politika Maltija, l-aħbar tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-klima, fl-aħħar rapport mill-IPCC (il-Panel Intergovernamentali dwar il-Bidla fil-Klima) qajla ħadd ta kasu.

Fl-20 ta’ Marzu, l-aktar rapport riċenti tal-IPCC isejjaħ għal azzjoni immedjata u urġenti biex tintlaħaq il-mira li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura medja għal taħt il-1.5 Ċentigradi. Diġa lħaqna żieda medja ta’ 1.1 Ċentrigradi.

Fis-sena 2020 l-istudju MAR1, speċifikament dwar il-Mediterran, wera li t-temperatura medja fil-Mediterran diġà qabżet il-1.5°C. Qed niġru litteralment għal ġol-ħajt.

https://www.unep.org/unepmap/resources/medecc-mar1-climate-and-environmental-change-mediterranean

Il-messaġġ huwa ċar kristall. Il-messaġġ tax-xjenzati huwa li mhux qed isir biżżejjed biex nissieltu dil-bidla mgħaġġla u perikoluża fil-klima. Perikoluża għall-bnedmin – id-dinja ddur madwar ix-xemx se tibqa’, bina jew mingħajrna.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tgħid li l-mira ta’ żero-karbonju sal-2050 taf tkun tard wisq, hemm bżonn li l-pajjiżi żviluppati – inkluż l-Unjoni Ewropea – jilħqu l-mira ta’ żero-karbonju sal-2040.

Hawn min jgħid li l-bidla ekonomika neċessarja tiswa l-flus. Imma li ma jsir xejn, li jsir ftit, jew li nitnikkru aktar se jiswielna ħafna aktar flus, ħafna aktar tbatija, u ħafna aktar ħsara u katastrofi. Irridu ngħaġġlu u niġru lejn aktar u aktar enerġija rinovabbli – mix-xemx, mir-riħ, mill-baħar. Għadnan bżonn niġru lejn aktar u aktar prijorita lil mezzi nodfa ta’ trasport u toroq aktar siguri minflok mifqugħa karozzi. Għandna bżonn niġru lejn bini żero-karbonju – li verament ikun ta’ valur għall-flus li diġa nħallsu, minflok bini ta’ ħabba gozz u kif ġie ġie. Il-gvern jista’ jagħmel ħafna biex itejjeb l-istandards, imma ma jridx.

Dan id-dokument tal-2021 jispjega aktar fid-dettall l-emerġenza li qed niffaċċjaw u għaliex qegħdin f’emerġenza.

Sandanittant il-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti u Nazzjonalisti jivvutaw kontra d-direttiva li tesiġi fuq medda ta’ snin il-bini żero-karbonju. Bħallikieku għandna xi għażla. Fortunatament il-Parlament Ewropew approva d-direttiva, li issa tgħaddi għall-istadju imsejjaħ ‘trialogue’. Il-gvernijiet tal-lemin mistennija jpoġġu l-bsaten fir-roti…magħhom x’aktarx jingħaqad il-gvern Malti.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *