Il-PPPs huma kalamita għall-korruzzjoni, huma garanzija ta’ profitti għall-privat, bit-telf finanzjarju jerfgħu l-pajjiż. Idaħħlu l-mentalita li servizzi bażiċi li jiswew il-flus huma sors ta’ profitt. Le, mhux vera li s-servizz ikun aħjar. Minn fejn taħsbu li jiġu l-profitti? Mit-tqanċiċ. Mill-qamel. U billi l-flus jinħarġu mis-servizz biex imorru għand l-azzjonisti, ix-shareholders.
PPP mhux tender pubbliku normali. Mhux xiri ta’ xi servizz partikolari, pjuttost ristrett, bl-infieq ċar u tond minn qabel, jew xi prodotti partikolari speċjalizzati. Mhux sempliċiment ‘contract of service’ fejn per eżempju l-gvern iħallas prezz fiss għal sodda f’dar tal-anzjani. Jew jagħti ‘public service contract’ – ben definit, ċar u kontrollabbli.
Issa bħal kull definizzjoni anke ‘PPP’ tista’ tiddefiniha b’mod laxk, imma f’PPP ‘klassiku’ kumpaniji – ħafna drabi multinazzjonali jew investituri fantażma – jingħataw assi tal-gvern, uffiċċjali pubbliċi u ħaddiema ‘seconded’ jew mislufa mill-gvern, u kundizzjonijiet favorevoli immens. Il-profitti garantiti jiġri x’jiġri minn servizz li minn pubbliku jsir biss għall-profitt. Il-privat mhux sempliċiment il-kuntrattur li jagħti servizz iżda ‘partner’.
Mhux vera li ‘s-suq jiddeċiedi’ għax il-partner privat huwa filfatt protett mill-inċertezzi u l-kompetizzjoni tas-suq. Is-suq isuq m’għandux ikun il-kejl ta’ kif għandhom jingħataw u jitmexxew servizzi pubbliċi bażiċi, filfatt s-servizzi fl-aħħar mill-aħħar ibatu. Il-profitti jġibuhom mill-hekk imsejjħa ‘effiċjenza’ – effiċjenza li tfisser tqanċiċ f’servizzi essenzjali. Il-każ tal-Vitals huwa każ lampanti, anke l-investitutri kienu sigrieti, minn kumpanija fantażma ibbazata f’oasi fiskali, tax haven.
Din hi kwotazzjoni minn rapport fuq PPPs tal-Public Service International:
PPPs are used to conceal public borrowing, while providing long-term state guarantees for profits to private companies. Private sector corporations must maximise profits if they are to survive. This is fundamentally incompatible with
protecting the environment and ensuring universal access to quality public services.
Huwa magħruf, per eżempju, li kumpaniji fil-qasam tal-ilma u d-drenaġġ l-Ingilterra jimmaniġġjaw riżorsi pubbliċi billi jitfgħu drenaġġ fl-ixmajjar biex iżidu l-profitti. Il-liġijiet jipproteġuhom, għax jaqbillhom iniġġsu milli jinvestu f’infrastuttura aħjar. Jarmu fix-xmajjar u l-baħar, iżda fl-istess waqt ix-shareholders jagħmlu profitti kbar:
Dawn huma wħud mill-problemi bil-PPPs. La l-Labour u lanqas l-PN ma’ żviluppaw l-argument tagħhom dwar x’tip ta’ kontrolli, liġijiet u salvagwardji hemm bżonn biex ma jsirx abbuż minn servizzi pubbliċi essenzjali. Bħal ma drajna sew jieqfu sad-diskors tas-soltu ta’ min għamel l-aktar ‘ħażin’ u daqshekk. Imbagħad imma ma jbiddlu xejn.
Leave a Reply