Meta jaqbillhom jgħidulna ‘mhux aħna’

Faċli fil-mumenti tal-glorja tiftaħar kemm huwa ‘glorjuż’ il-partit u kemm ħa deċiżjonijiet tajbin meta poġġa lil Keith Schembri bħala l-‘moħħ’ wara l-kampanji elettorali tas-snin riċenti tal-Partit Laburista. Għax wara kollox kif jemmnu ħafna nies, ‘l-aqwa li tirbaħ’.

Faċli – imma irid ikollok moħħ politiku mnejjek – tiftaħar bil-kandidati stilla bħal Konrad Mizzi li waqa’ mis-sema u tant ġie mbottat mal-partitarji mogħoż li kien ikaxkar il-voti tar-raba’ distrett. Ħalliha li lanqas prinċipju wieħed sura ma kellu. In-nepotiżmu kien jaf iħaddmu sew imma – jew hu jew il-‘magna’ li pprovdewlu. Saqsu naqra kemm daħlu nies ma jridu jagħmlu xejn il-Water Services Corporation fi żmienu. Jew l-Air Malta. Mhux għax din xi tattika ġdida. Sistema marida minn ġuf ommha. Dawk li jitfaċċaw minn imkien u jippreżentaw ruħhom bħala xi ‘salvaturi’ attenti minnhom. La idea ta’ prinċipji, la ta’ servizz, la ta’ ideoloġija (iva, ideoloġija!).

Ara meta l-affarijiet imorru żmerċ, ikollna lil Robert Abela jaħsel idejh. Bħallikieku hu mhux hemm kien. Anke kieku biss għas-saħħa tal-argument ma’ ‘kienx hemm’, xorta waħda huwa l-Partit Laburista li huwa responsabbli għal dan it-taħwid kollu fil-każ tal-Vitals u Steward. Faċli tpatpat għall-gallarija, anke jekk il-gallarija mmermra!

L-istorja dwar Robert Abela jdur mal-lewża ssibuha fil-gazzetta ‘Illum’.

Sfortunatament il-korruzzjoni tiżvija d-diskussjoni politika mill-konfront ċivili fuq l-ideat. Għax il-korruzzjoni suġġett faċli.

 Ir-realtà kiefra hija li l-korruzzjoni suġġett faċli għax m’hemmx għalfejn taħseb wisq fuqu – ħażin u daqshekk. Xorta suġġett importantissimu, m’hemmx xi ngħidu. Imma importanti dejjem.

Dan li se ngħid ġeneralizazzjoni imma tal-biki li n-nies tal-Belt illum ħafna minnhom x’aktarx lanqas kienu jiftħu ħalqhom kieku mhux ‘l-oħrajn qegħdin fil-gvern’. Naf x’qed ngħid. Malta żgħira u n-nies magħrufa.

L-istess nies ħafna minnhom ma ddejqu xejn bil-korruzzjoni ta’ Mater Dei u taż-żejt (għadu sejjer madoff il-każ…). Kif għidt, il-korruzzjoni suġġett faċli hux, ma tinvolvi l-ebda prinċipji politiċi. Tista’ tkun favur bini bl-addoċċ bħala politika ekonomika imma ‘kontra l-korruzzjoni’. Tista’ tkun tant konservattiv li kull avvanz per eżempju fid-drittijiet tal-LGBTQI+ idarrsek u ma tagħmilx pass imġiddem politikament, imma tkun ‘kontra l-korruzzjoni’.

Tista’ ma Manfred Werner tikteb artiklu oxxen fuq il-bżonn ta’ ħitan kontra t-‘theddida’ tal-migrazzjoni imma bħal David Casa tiddikjara li int “kontra l-korruzzjoni”. Kif kien suġġett faċli għal Joseph Muscat li kien jgħid li hu “kontra l-korruzzjoni”, tan-Nazzjonalisti nimmaġina biss.

 


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *