L-imgħallem il-kompjuter

Meta, għalkemm tissejjaħ self-employed filfatt min iħaddmek mhux persuna oħra imma litteralment programm tal-kompjuter. L-imgħallem tiegħek huwa software, li jiddeċiedi xi vjaġġ tagħmel, u kemm titħallas. Bil-kontra tal-imgħallem jew kumpanija tas-soltu, is-software ma jipprovdilekx l-għodda li taħdem biha. Ma jikkalkulax il-ħin li tagħmel tistenna biex tidħol biċċa xogħol, u lanqas is-sigħat li trid taħdem biex tagħmel għajxien diċenti. Dawn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma s-sewwieqa magħrufa bħala tal-Y-plates, it-targi mmarkati bl-ittra Y.

Magħrufin ukoll bħala ‘platform workers’ – il-pjattaforma hija s-software li jqassam ix-xogħol. Minn rapporti fl-istampa wara l-aħħar għajta ta’ dawn il-ħaddiema li jkollhom dħul diċenti, il-kumpaniji tal-pjattaformi diġitali li jħaddmuhom iżommu madwar 36% tat-tariffi li jħallsu l-passiġġieri tat-taxis. Bl-ebda mod ma huwa ġust li s-servizz ta’ tqassim ta’ xogħol, għax dak li jagħmel is-software, jieħu gidma daqshekk kbira mid-dħul ta’ dawn il-ħaddiema. Din il-gidma ma tieħux in kunsiderazzjoni l-ispejjeż li żżomm t-taxi f’kundizzjoni tajba, spejjeż bħall-fuel jew tant l-aħjar li dak li jkun jinvesti f’taxi elettrika. Jagħmel sens li taxis iridu jinżammu f’garaxx u mhux fuq it-triq għal diversi raġunijiet, imma mbagħad id-dħul ta’ dawn il-ħaddiema irid jirrifletti dawn l-ispejjeż. Nerġa’ nemfasizza li l-pjattaforma diġitali m’għandhiex dawn l-ispejjeż, l-ispejjż jagħmilhom il-ħaddiem.

Huwa għalhekk li hemm bżonn li l-gvern jintervjeni fis-suq, għax is-suq falla. Falla għax ma jagħmilx sens li l-ispejjeż għal min attwalment jagħmel ix-xogħol huma tali li jieklu d-dħul għal livelli miżeri. Il-liċenzji lil dawn il-pjattaformi għandhom jinkludu obbligi li skont is-sigħat li dawn il-ħaddiema jaħdmu, bil-limiti ta’ sigħat skont l-esiġenzi tas-saħħa u s-sigurtà, il-pjattaforma diġitali tħallas addizzjonalment pro-rata l-bolla, dħul minimu garantit, u ammont biex il-ħaddiem tal-pjattaforma jkopri l-ispejjeż tal-‘għodda tax-xogħol’. Kull min jaħdem għal pjattaforma għandu jkollu d-dritt li jissieħeb f’unjon, bid-drittijiet kollha relatati, inkluż dak ta’ ftehim kollettiv. Meta jrid il-gvern jista’ jagħmel dawn il-kundizzjonijiet u oħrajn għall-għoti ta’ liċenzji biex dawn il-pjattaformi diġitali joperaw. X’inhu jistenna? Fil-Parlament Ewropew sħabna tal-partit tal-Ħodor qed jinsistu biex leġiżlażżjoni tal-Unjoni tqis ħaddiema ta’ pjattaformi diġitali bħala ħaddiema bid-drittijiet kollha li semmejt. Il-gvern Malta m’għandux għalfejn jistenna lilna niġġieldu għal leġiżlazzjoni fuq livell Ewropew. Meta sa nkunu verament ‘l-aqwa fl-Ewropa’ f’hekk?


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *