Ftit ħsibijiet…(3) dwar Xtra

Għadni kemm ġej lura minn mixja twila. Insomma, forsi qed ngħaġġibhom, siegħa u nofs kollox minn Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara tul l-akwedott sa Fleur-de-Lys u lura. Tinduna kemm it-toroq l-ewwel li jaqdu lill-karozzi u mhux lin-nies. Wieħed mill-ftit punti li ppruvajt nagħmel waqt il-programm Xtra tal-lum fuq stazzjon ta’ TVM. Ixxandar waqt li kont qed nimxi – ma nħobbx, anzi nobgħod nara lili nnifsi.

Il-programm qasir wisq. Żewġ mistednin kull wieħed mill-PL u mill-PN, u jien mill-ADPD. Imma! Kull mistieden bażikament mistoqsi jikkummenta fuq xi wħud mit-temi diskussi, u ta’ malajr. Spiċċajt ikkummentajt fuq żewġ temi.

Mela ħa nikkummenta fuq it-temi kollha hawn minflok!

(1) Il-famuż ftehim dwar xi prezzijiet ta’ affarijiet tal-ikel. Ċerti prodotti qabbduni d-daħq! aktar butir u zokkor jonqosna nieklu! Li naħseb hemm bżonn skema fit-tul li tgħin lill-bdiewa joffru prodotti friski, bi dħul raġonevoli għalihom. Spiċċajna li l-irħas ikel huwa dak l-aktar proċessat u li jagħmel ħsara lis-saħħa.

Imma din tal-intervent fis-suq tal-prodotti tal-ikel importati interessanti – la l-gvern iridna nieklu aktar butir u zokkor bl-irħis, xi ngħidu kieku jraħħas il-press ta’ propjetajiet residenzjali u kirjiet residenzjali – dawk għar-residenza ta’ dak li jkun – bħall-ikel bi 15%? Isa! X’qed jistenna?

(2) Meta tissemma’ d-droga iqumu l-irwiefen. Dan bħal suġġetti bħad-divorzju per eżempju. Ħafna forsi jiftakru l-pika bejn il-PN u l-PL fuq min huwa l-aktar aħrax fuq id-droga. Konna wasalna f’punt li addicts li jaqsmu d-droga bejniethom jispiċċaw jeħlu ta’ traffikanti – ta’ ‘barunijiet’, biex nuża r-retorika ta’ dak iż-żmien – u jispiċċaw vittmi daroħra, b’sentenzi twal jitmermru l-ħabs. Saħansitra mhux l-ewwel darba li xi vittma ġiet abbandunata fuq xi bankina jew f’xi għalqa għax sħabha, addicts ukoll kienu jitwerwru li jeħlu li qatluha huma. Il-gwerra fuq id-droga kienet filfatt teqred u toqtol lill-vittmi.

Fuq xi tibdil fil-liġijiet dwar id-droga l-istorja qed tirrepeti ruħha – ovvjament did-darba peress li fl-oppożizzjoni l-PN qed jrewwaħ in-nar. Għax Malta hekk hux! It-tema mhux importanti, l-aqwa t-teatrini. Issa jien qrajtu d-dokument ta’ konsultazzjoni u frankament dal-biki u t-theżżiż tas-snien ma narax bżonnu.

Aħna rridu politika tad-droga b’wiċċ uman. Mhux li lill-vittmi nagħmluhom vittmi darbtejn. Tajjeb li l-maġistrati jingħataw aktar spazju biex jiddeċiedu fuq kull każ partikolari bil-kumplikazzjonijiet u l-kuntest kollu tiegħu. Il-ġudikanti għandhom jitħallew ukoll juru wiċċ uman, u fejn iħossu li hemm raġunijiet validi jikkonvertu l-qorti tagħhom f’qorti speċjali li tara kif jintlaħaq l-għan li l-vittma teħles mill-vizzju. Mhux xi ħaġa ġdida li ħafna drabi li tkun vittma u titraffika jikkoinċidu. Iva, hemm dil-kumplikazzjoni. Tkellimt ma espert li qalli li l-prezz pjuttost irħis ta’ ċerti drogi jagħmilha aktar possibbli li l-ammonti jkunu akbar milli forsi mdorrijin nisimgħu bihom. Ħa nifthemu, lanqas jibdew ħdejn ammonti li jinstabu ġo xi container. Imkien m’hemm li bilfors wieħed jeħlisha – skont il-każ u l-provi li jinġabu. Kif għandu jkun.

(3) Id-diskorsi tal-Prim Ministru, li jistħajlu xi konfessur li bil-barka tiegħu ‘jnaddaf’ lid-diżonorevoli Rosianne Cutajar u Joseph Cuschieri (eks-CEO tal-Malta Gaming Authority, MGA, u anke, tant huwa bravu eks-CEO tal-MFSA) juru kemm f’pajjiżna għandna standards baxxi – standards ta’ Ali Baba u l-Erbgħin Ħalliel.

Ma ġejtx mistoqsi dwar das-suġġett, imma Steve Ellul – dak li poġġewh CEO ta’ Project Carparks (Green) biex jtuh palata u viżibilita qabel ħabbar il-kandidatura tiegħu ovvjament iddefenda lil Robert Abela. Dawn in-nies ma jafux jistħu. Minn xejn. Wiċċhom u l-warrani l-istess. Ovvjament semma’ lil Bernard Grech u l-evażjoni tat-taxxa. Storja vera, m’hemmx xi ngħidu.

Appuntu imma, l-punt huwa li dan pajjiż bi standards ta’ Ali Baba – kieku f’pajjiż normali Bernard Grech ma sarx kap tal-PN u membru parlamentari.

Il-każ ta’ Rosianne Cutajar jinvolvi frodi ta’ fondi pubbliċi u korruzzjoni kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali. Kuntratt fażul mill-ITS immexxija minn Pierre Fenech fuq ordnijiet ta’ Korrott Mixtri, l-ministru stilla.

Joseph Cuschieri, suppost regolatur tal-qasam tal-gaming, mar vjaġġ imħallas Las Vegas minn sid ta’ negozju li suppost qed jirregola u allura dawn it-tip ta’ rigali żgur mhux governanza tajba. joseph Cuschieri mhux qed imut bil-ġuħ – imma tant huwa bravu li issa tefgħuh Project Carparks/Green minflok Steve Ellul. Jismhu f’kollox dan-nies alla jbierek. Addio l-professjonisti fl-ekoloġija urbana, fl-oqsma tar-rijabilitazzjoni tal-art eċċ. Filfatt fil-carparks b’taparsi ġnien fuqhom moħħhom mhux fl-ispazji miftuħa dal-Laburisti ta’ ġewwa li dejjem jaraw kif iqallugħhom il-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro.

Mejtin bil-ġuħ ta’ vera – iħawwdu, jitħanżru, frodi, korruzzjoni – l-aqwa li ħafrilhom Robert!

(4) Wieħed mis-suġġetti imn’alla ma saqsinix fuqu! ‘Il-PN għandu jdaħħal lura lil Franco Debono?’

Frankament x’jimpurtani! Din oħra f’Malta, mela xi ħadd f’partit ieħor joqgħod jgħid lil ħaddieħor x’għandu jagħmel? Il-PL u l-PN jiddilettaw b’dawn l-argumenti, propju għax fejn jidħlu policies ftit li xejn jinteressahom jiddiskutu – iridu t-teatrini biex iżommu lill-partitarji ‘entertained’.

Jagħmlu huma hux! Huma jafu jekk għandhomx biżżejjed paguni fil-partit. Imma apparti hekk, it-tip ta’ politika tat-teatrini, u konservattiva tiegħu u tagħhom ma tinteressanix. Kif għidt diġa – huma jafu!


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *