Ikolli ngħid li ta’ spiss immur nara x’hemm ġdid fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba. Hemm ħanut tas-Sliema (u ieħor tal-istess ditta, Blata-l-Bajda) li huwa armat mhux ħażin. Drabi oħra immur ħanut viċin tiegħi ta’ chain prinċipali, ħafna anqas kotba, għax il-biċċa l-kbira bestsellers, rivisti, kartolini u stationery ikollu, imma l-ixkafef tal-kotba pubblikati Malta pjuttost mimlija jkunu. Infittex x’hemm ġdid.
Xi ġimgħat ilu waqt li qed nifli l-kotba f’dal-ħanut/stationery ġie f’idi dal-ktieb fuq Hitler bil-Malti. Self-published. Issa ma jfissirx li għax self-published neċessarjament ‘suspettuż’, jew mhux ta’ kwalita. Imma dejjem jiġik dak is-suspett. In-nota fuq il-qoxra ta’ wara mal-ewwel tqajjem suspett. Bl-amment, xi ħaġa fis-sens li l-ktieb jagħti ‘l-istorja vera, il-fatti’, dak li ‘qatt ma qalulna’. Hawn ġej in-nejk! Kellna bżonn lil dan l-awtur jgħidilna l-verita fuq suġġett magħsur u studjat tant! Bħal dawk li jibilgħu bħall-imzazen il-videos u stejjer qarrieqa tal-lemin-estrem Amerikan. Dejjem jisħqu li qed ‘jikxfu l-verita’ li ħaddieħor qed jaħbi. Dejjem l-istess kantaliena fuq l-istess ponn suġġetti: l-bidla fil-klima (kontra) u ż-żejt (favur), il-perikli (fl-Amerika) għal min mhux ‘abjad’ (sic), il-kumplott (sic) tal-liberali u l-lobby LGBTQ+, u suġġett totalment ‘Amerikan’, l-attakk (ovvjament fittizju) fuq il-liberta ta’ min irid inaqqas l-armi ta’ assalt fl-idejn.
It-titlu nnifsu, forsi għax bil-Ġermaniż, ma darrasnix mill-ewwel. Il-lingwaġġ użat ma jtikx daqqa ta’ ħarta jekk ma tkunx il-lingwa tiegħek. Kieku bil-Malti ‘Hitler – il-mexxej tiegħi’ – mill-ewwel tgħid dan xiż-żikk, qed iħoss moħħu jew? Mein Fuhrer! U le le!
Tlaqtu minn idejja u għadda kollox. Imbarazz issib ħemel. Persuni affaxxinati bid-dittaturi hawn kemm trid, jarawhom deċiżivi u b’saħħithom, u jaslu għal dak li jridu. Mur obsor hux! Jekk tasal toqtol, tigdeb, tikkontrolla, tbeżża’ u tieħu vantaġġ mid-demokrazija (imperfetta kemm hi imperfetta) dażgur li tasal! Id-demokrazija hija neċessarjament aktar kajmana, tieħu l-ħin u tirrikjedi kompromessi, ‘messy’ kif jgħidu bl-Ingliż. Sfortunatament hi miftuħa għall-abbużi tal-manipulaturi populisti li jwegħdu soluzzjonijiet faċli u aktar iva milli le joħolqu għadu, jew ħaruf tas-sagrifiċċju biex jwaħħlu kull tip ta’ problemi, intoppi u ħażen fuqu.
Erġajt ftakart fil-ktieb illum, mill-aħbarijiet. Fit-23 ta’ Marzu kien wieħed mill-kotba diskuss mal-awtur waqt il-programm Ħajjitna Ktieb fuq TVM. Dal-programm ġieli rajtu, u dejjem, jew kważi nsomma, sibtu interessanti. Fit-23 ta’ Marzu ma rajtux, u lanqas ilħaqt rajtu fuq is-servizz streaming. Jiddispjaċini li l-produtturi ma qagħdux aktar attenti. Le, mhux aċċettabbli li l-preżentatur iħalli kollox jgħaddi, anzi f’dal-każ il-ktieb mhux veritier u mhux opinjoni studjata. Stazzjon tal-istat għandu aktar obbligi. Lanqas biss messhom stednuh. Trid tkun jew balalu, injurant pesti jew għandek problemi serji biex tgħid li Hitler ma qatilx Lhudi-Ġermaniż wieħed, biex ma nsemmix it-trejdunjonisti, u l-biżibilju politiċi, attivisti varji, ġurnalisti, reliġjużi, u ħrief tas-sagrifiċċju oħrajn li eliminaw in-Nazzisti. Le dan mhux każ ta’ ‘opinjoni differenti’, ma ndaħħqux jekk jogħġobkom. Min huwa iffissat f’xi purita tar-razza ma titkellimx miegħu, ma tiddiskutix miegħu. Ma’ dawn in-nies ma tieħux raġun għax mhux qegħdin sew. Dawn ma jirraġunawx, iffissati u jaffaxxinaw ruħhom bil-bullies li tgħaddi tagħhom bil-forza, bil-vjolenza u l-mibgħeda. Dawn ma jafux jagħżlu bejn is-sewwa u l-gideb neo-nazzista/alt-right.
Jien mhux wieħed minn dawk li nemmen f’xi ‘pjan’ tal-programm biex issir xi propaganda għall-mibgħeda. Naħseb li Malta għadna naqra mdorrijin bil-mentalita ta’ ‘u iva, dan talabna nistednuh, għidlu jiġi u neħilsu ta…’. X’aktarx mhux xi programm segwit daqshekk lanqas u allura jirraġunaw li anqas u anqas se jagħtu każ. M’hemmx il-PL u l-PN involuti, jirraġunaw, u għalhekk m’hemmx għalfejn ‘nibbilanċjaw’ bejniethom. TVM wara kollox għandu rekord li jistieden lill-irmixk tal-lemin-estrem biex joqgħodu jippurċinellaw waqt xi programm ta’ taparsi-diskussjoni. Vera li ilu ftit issa, imma mid-dehra l-attitudni li kollox jgħaddi għadha hemm.
Id-differenza li x’aktarx dal-programm, Ħajjitna Ktieb, għalkemm b’udjenza x’aktarx pjuttost żgħira imma din l-udjenza żgħira se tiddarras b’dawn l-affarijiet. Nispera biss li dan l-episodju jwassal għal aktar professjonalita, għax programmi bħal Ħajjitna Ktieb għandna bżonn aktar bħalu. Aktar, isbaħ, spiss, riċerkat u aħjar.
U bilħaqq, jekk xi ħadd jaħseb li l-liberta tal-kelma tinkludi li tagħti pjattaforma fuq ix-xandir għall-glorifikazzjoni tal-mibgħeda, mela ma jafx x’qed tgħid. Diġa aktar minn biżżejjed li dan l-istoriku tas-sold u nofs, jista’ jistampa u jqassam ir-‘rivelazzjonijiet’ infondati u delużi tiegħu!
Ktieb bil-Malti (traduzzjoni/addattazzjoni mit-Taljan) sura dwar l-era Nazzista ta’ min jaqrah huwa L-Aħħar Sajf ta’ Berlin.
Leave a Reply