Żero-karbonju jridu jew ma jridux l-MEPs Maltin…

Huwa inutili li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jwaħħal fuq pressjoni mill-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ sostenibilità fis-sussidji lil kulħadd fuq il-prezzijiet tal-elettriku, meta l-Gvern li jifforma parti minnu, inkluż il-Prim Ministru Robert Abela, u l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli, kif ukoll l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin kollha kemm huma qed jibgħatu l-messaġġ li kollox ‘business as usual’.

Il-Ministru Miriam Dalli, per eżempju, f’isem il-Gvern ta’ Robert Abela, reġgħet ftehmet fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex Malta tkompli bid-deroga dwar mit-tnaqqis ta’ 15% fl-użu tal-gass fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Li ma qalux huwa li l-Ministru kellha titkarrab għal din id-deroga frott l-inkompetenza ta’ gvern wara ieħor li dejjem raw kif jillapazzaw u jipposponu l-inevitabbli fil-politika dwar l-enerġija. Wasalna s’hawn għax Gvernijiet Nazzjonalisti biegħulna l-interconnector bħala l-manna nieżla mis-sema. Fl-2016 stuju mill-London School of Economics faqgħu l-bużżieqa tal-PN, u l-bużżieqa tal-ftaħir tat-tieni interconnector tal-PL.

Magħhom ingħaqad Gvern Laburista li minkejja l-bżonn li naqilbu għall-gass naturali, spiċċa għamel ftehim b’riħa qawwija ta’ irregolaritajiet jekk mhux ukoll tixħim u korruzzjoni, u kompla jbellagħha lin-nies li l-gass huwa xi soluzzjoni permanenti għal elettriku rħis. Bħal gvernijiet preċedenti issa qegħdin ukoll jippruvaw ibellugħha li t-tieni interconnector xi rigal mis-sema. Ta’ min ifakkar li l-prezz tal-elettriku mill-interconnector s-sena li għaddiet żdied minn 100 Euro kull MWh għal 591 Euro/MWh. Il-manna mis-sema tal-PN u l-ftaħir tal-PL dwar l-interconnector il-ġdid huma bżar fl-għajnejn – bqajna dipendenti għal kollox fuq elettriku importat.

Miriam Dalli saħansitra qed tiftaħar li diġà lħaqna l-mira fjakka li innegozjat ta’ 11.5% ta’ enerġija rinovabbli mit-total gross tal-konsum tal-enerġija sal-2030. Din il-mira hija waħda tad-daħk. Hija biss 1.5% aktar mill-mira tal-2020 u filfatt diġà intlaħqet! Dan ifisser li l-użu ta’ sorsi tal-enerġija minn fjuwils fossili se tkompli tħalli l-impatti tagħha fuq l-ekonomija tagħna, minħabba li dan il-fjuwil huwa importat, kemm jekk bit-tankers tal-gass, kemm jekk bil-pipeline. Barra minn hekk l-elettriku mill-interconnector ukoll jpoġġi lil pajjiżna f’dipendenza totali fuq sors importat  ta’ enerġija. Frott l-inkompetenza u delinkwenti bħal Konrad Mizzi, u l-politika bla viżjoni u l-iskandli taż-żejt ta’ gvern preċedenti, il-pajjiż naqas milli jinvesti f’aktar  aktar enerġija rinovabbli. 

Mhux talli hekk iżda talli l-Membri Parlamentari Ewropej kollha Labour u PN, f’alleanza kontra s-sewwa magħruf, iġifieri l-bżonn li nżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ninvestu biex il-bini jsir karbonju-żero, ivvutaw kontra direttiva Ewropea fuq is-suġġett. Ivvutaw kontra li l-bini kollu jsir żero-karbonju u jiġġenera l-enerġija mill-bejt fuq medda ta’ żmien. L-iskuża hija dik tas-soltu: l-ispiża involuta. Il-fatt jibqa’ li l-gvern għandu bosta binjiet u jista’ jibda billi jiżgura l-binjiet pubbliċi kollha jsiru żero-karbonju. Għandu wkoll l-għodda biex jiżgura li l-industrija tal-bini tpoġġi fuq is-suq binijiet mibnija kif suppost bi standards għoljin. Wasalna f’punt li l-ispekultauri qed jitħallew ipoġġu fuq is-suq propjetà ta’ livell baxx bi prezzijiet eżorbitanti. L-effiċjenza enerġetika tal-bini u l-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-bjut tal-bini kollu għandu b’ippjanar serju jsir in-norma infurzata bil-liġi. M’għandniex għażla.

Hija filfatt in-nuqqas ta’ azzjoni tul snin sħaħ li jfisser li se jkun hemm ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet aktar iebsa ‘l quddiem, kif qisu qed jipprova jgħid Clyde Caruana.

Minflok miżuri fjakki li ma jbiddlu xejn u l-ħela ta’ miljuni ta’ Euro fuq interconnector ġdid, per eżempju, dawn il-miljuni għandhom jintefqu fuq enerġija rinovabbli – maħluqa f’pajjiżna stess, enerġija rinovabbli u nadifa. Dan l-investiment, inkluż investiment fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni isarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Malta, minflok li nibgħatu miljuni kbar ta’ Euro barra mill-pajjiż. Hemm il-ħtieġa urġenti li nirriservaw żoni għal attività konnessa mal-enerġija rinovabbli fl-ibħra tagħna. Għandu jkun hemm politika li  tesiġi li l-binjiet kummerċjali kollha jkollhom pannelli fotovoltajiċi. Huwa ċar li il-gvern mhux interessat li jimbotta lill-industrija tal-kostruzzjoni biex tibni bini karbonju-żero. Il-gvern lanqas m’hu interessat li jesiġi li jkun hemm l-istallazzjoni tas-sistemi ta’ solar water heaters u sistemi fotovoltajiċi fuq il-bini, la fuq proġetti kbar ġodda, aħseb u ara r-rinnovament u l-immodernizzar ta’ bini eżistenti.

Għanda bżonn miri ambizzjużi. Mira ta’ 50% għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli fuq medda ta’ għaxar snin tkun ħafna aktar addattata għal dak li għandna bżonn. Mingħajr miri ambizzjużi it-tir ta’ żero-karbonju sal-2050 żgur mhux se jitlaħaq u se nibqgħu dipendenti għal kollox fuq fuels fossili li se jkomplu jogħlew u li l-pajjiż ikollu jimporta. Se jkollna nħallsu, jew mit-taxxi jew direttament, il-prezz veru tal-enerġija minn sorsi barranin, jekk Malta ma żżidx drastikament l-enerġija rinovabbli – inkluż jekk il-PL u l-PN se jibqgħu jaħarbu r-realtà tal-bżonn urġenti li l-bini f’pajjiżna jimxi lejn żero-karbonju malajr kemm jista’ jkun.

Li ma jgħidux il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, li ma jgħidux il-kandidati Nazzjonalisti u Laburisti, u l-gvern Malti huwa li t-tranżizzjoni ekoloġika, u l-bini karbonju-żero, u l-enerġija rinovabbli joħolqu bosta impjiegi tekniċi, impjiegi stabbli, utli u bżonjużi ibbażati f’Malta. Jgħidu x’jgħidu – hekk se jkollna nagħmlu, mhux imbilli jopponu xi politiċi tal-ħabba gozz Maltin. Qegħdin fiex qegħdin minħabba t-tnikkir ta’ gvern wara ieħor. Issa jkollna mmexxu – irridu jew ma rridux.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *