Il-Pulizija tal-Moralità

Il-ġenn f’ritratt wieħed…

Ivan Grech Mintoff u l-fundamentalisti tal-lemin-estrem reliġjuż stil Amerikan (jissejħu ‘religious right’ l-Amerika) huma fost l-aktar nies skifużi, mimlijin mibgħeda u fl-istess ħin redikoli li għad irrid nara. Qażżew lil kulħadd jippontifikaw u jxerrdu l-ġenn kollu mibgħeda tagħhom. Jimitaw lil Trump u l-Pastors fundamentalisti tant li jdardruk. Ideat importati mill-aktar organizazzjonijiet u politiċi skifużi u perikolużi Amerikani.

Dawn qed jikkuppjaw stil ta’ politika, li mhux imdorrijin biha fl-Ewropa, ta’ dawk li jappoġġjaw lil nies perikolużi bħal Trump, u bħal Steve Bannon. Sfortunatament il-ġenn Amerikan qed jinfirex anke fl-Ewropa – ibda mid-dellirju anti-demokratiku ta’ Orban l-Ungerija, u l-buffu perikoluż bħal Salvini l-Italja.

Il-gideb u t-teoriji fantastiċi tagħhom jimminaw lid-demokrazija. Il-verżjoni tal-Kristjaneżmu tagħhom tal-imġienen – litteralment! Mibgħeda flok imħabba, barra ġenn ieħor bħal twemmin li d-dinja ilha teżisti biss ftit eluf tas-snin, u li l-evoluzzjoni hija teorija falza (ma jafux xi tfisser il-kelma teorija fix-xjenza).

Tip ta’ nies li jgħidu li l-bidla fil-klima xi kumplott, li l-COVID kumplott ieħor (ħasra li ma xorbux il-bleach bħal ma issuġġerixxa Trump), li l-ġarr tal-armi m’għandux jiġi kontrollat bl-ebda mod minkejja l-massakri fl-iskejjel Amerikani, flimkien ma’ ġenn ieħor redikolu bħall-istorja tat-tkeċċija ta’ kap ta’ skola fi Florida għax waqt lezzjoni dwar ir-rinaxximent intwera, nimmaġina fost biċċiet oħra tal-arti famużi, ritratt ta’ David ta’ Mikelanġelo. Dawn l-istess nies li jsejħu lilhom infushom insara, imma jobgħodu lill-Amerikani suwed. Jobgħodu lill-Messikani. Jobgħodu lill-Kattoliċi (għax immigranti, u mhux fundamentalisti daqshom). Jobgħodu lill-Amerikani Lhud (għax liberali wisq). Jobgħodu lill-Musulmani (għax immigranti).

F’Malta dawn l-“insara” stil-Amerikan qed jagħmluha ta’ pulizija tal-moralità u marru jdejqu tfal u familji li marru jaraw reċta dwar id-diversità tal-festival ŻiguŻajg. Trid tkun skifuż bħal Ivan Grech Mintoff u sħabu biex tiffastidja lit-tfal u persuni oħra waqt reċta. Fl-artiklu ta’ Newsbook jipprova wkoll jirredikola lill-kollega Mina Jack Tolu li għamel ilment dwar dak li ġara lill-Kummissarju għat-Tfal.

Hawn l-istorja fuq Newsbook, u fuq MaltaToday.

Ħalli lin-nies u lit-tfal bi kwiethom Ivan – għall-grazzja t’Alla mhux kulħadd mimli mibgħeda, mhux kulħadd fundamentalista skifuż bħalkom.

Lill-Pulizija tal-Moralità ta’ Malta, lill-attivisti li jaħsbu li huma xi suldati ta’ Ġesù imma huma filfatt nies perikolużi li f’isem il-libertà tal-espressjoni jxerrdu l-mibgħeda u l-ġenn hemm bżonn li nieqfulhom. Fil-ġurnali, fuq il-postijiet tax-xogħol u kullimkien. Dal-ġenn importat mill-Amerika mhux postu la f’Malta u lanqas fl-Ewropa.

Membru tal-Kungress tal-Partit Repubblikan Andy Ogles jippoża mal-familja bl-armi. Ogles jirrapreżenta distrett fejn inqatlu tfal tal-iskola u għalliema minħabba liġijiet laxki dwar l-armi. Dawn huma l-imġienen perikolużi li hawn min jammira hawn Malta ukoll!


Posted

in

by

Tags:

Comments

One response to “Il-Pulizija tal-Moralità”

  1. Jonathan Camilleri avatar
    Jonathan Camilleri

    Qed tghaddi messaggi kuntradittorji fuq il-moralita’ tippoza bl-armi f’idejk, nahseb jien.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *