“Ir-rieda tal-poplu” – l-użu tal-lingwa li meta tagħsar ma tfisser assolutament xejn. U mhux Abela biss, għax hemm ħemel politiċi li f’sentenza jużaw jew kienu jużaw fil-passat il-kelma “poplu” għoxrin elf darba, qisu hemm persuna waħda jisimha “Poplu”. Ċikku l-Poplu. Meta nisma’ hekk, ngħid dil-persuna retorika vojta se tgħid u ħlief slogans mhux se joħorġu minn ħalqha. Is-suġġett ma tafux, jew se tirrepeti dak li semgħet fuq facebook u daqshekk.
Hija retorika komuni ta’ ħafna. Anke Grech “poplu” ġej u “poplu” sejjer. Għax faċli. Filfatt ħadd ma jirrappreżenta lil kulħadd – lill-“poplu”. Anke din l-idea li tirrappreżenta lil kulħadd, hija idea perikoluża mmens.
Min hi dil-persuna msejjħa “Poplu”? X’inhi dir-“rieda” waħdanija li jippersonifika Abela/il-Labour? L-istess Grech/PN – żgur ma jirrappreżentawx, per eżempju lil dawk minna li d-diversità narawha bħala xi ħaġa pożittiva.
Din tal-“poplu” hija t-tip ta’ retorika tal-għażżenin, jew agħar minn hekk tal-awtoritarjaniżmu u d-dittaturi – li wkoll jgħidu li jippersonifikaw lill-“poplu”. Anzi min ma jaqbilx magħhom ma jitqiesx parti mill-“poplu”.
Sadanittant il-ONE bħal sħabhom tan-NET jibqgħu jiksru l-liġi tax-xandir – f’isem il-….poplu. Imma dak suġġett ieħor.
Leave a Reply