Trid tkun konvint li l-parti l-kbira tal-partitarji leali tiegħek għandhom il-fakultajiet mentali tagħhom fjakki biex tiddeċiedi li titkellem kif qed jitkellmu kemm id-delinkwent ‘king’ Joseph Muscat, u l-Prim Ministru attwali Robert Abela. Min jaf jekk Abela hux qed jieħu l-pariri ta’ missieru fuq it-tkeskis u ċ-ċuċati li qed jitma lill-partitarji?
It-titlu li ħolmu bih il-bozoz tal-elf, dak ta’ ‘King’ biex jiddeskrivu lil Joseph Muscat huwa xhieda tal-faqar mentali, l-injoranza politika totali tal-implikazzjonijiet tat-titlu (bażikament dittatur li jagħmel li jrid għax ‘tagħna’) u marda tal-glorifikazzjoni tal-injoranza li tinfetta lil dan il-pajjiż, u f’din l-istorja partikolarment lill-Partit Laburista. Ma’ dan żid il-mentalita li ‘min mhux magħna kontra tagħna’, ‘min jikkritikana neċessarjament Nazzjonalist’ jew qed ‘jivvantaġġja lin-Nazzjonalisti’ eċċ. eċċ. Ovvjament, l-istorja tirrepeti ruħha, għax fi żmien ieħor malajr kont tissejjaħ ‘Laburist’ jekk tazzarda tikkritika l-politika ta’ gvern ieħor. Kif għidt bosta drabi, dal-pajjiż marid sal-mudullun.
It-tkeskis u l-attentat ta’ intimidazzjoni tal-ġudikatura, u istituzzjonijiet oħra bħall-prosekuturi u l-Pulizija huwa sintomu ta’ attitudni awtoritarja mill-establishment Laburista. Ara meta l-kritika tkun li l-ġudikatura qed tagħlaq għajnejha, li l-Pulizija rieqda, u li l-prosekuzzjoni influwenzata wisq mill-gvern (għax f’Malta l-Prim Ministru bħala rwol istituzzjonali għadu l-gvernatur tal-Kuruna Brittanika – b’saħħtu wisq), ara hemmhekk l-establishment Laburista jiċħad u jappella biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu.
Għandna dil-marda profonda f’pajjiżna li hawn ħafna jaħsbu li l-istat u l-gvern mingħalihom li jfissru l-partit li għandu maġġoranza parlamentari. Falz. Għandna Prim Ministri u eks-Prim Ministri – wieħed minnhom Muscat – li jaħsbu li huma l-istat, li huma l-personifikazzjoni tal-laburisti. Falz. Dawn huma karatteristiċi ta’ mexxejja awtoritarji. ‘Il-vuċi tal-poplu’. ‘Il-poplu’ bħala xi massa omoġenja – blob ta’ mogħoż li għandhom bżonn is-salvatur.
Investigazzjoni ta’ Muscat u d-delinkwenti sħabu bħal Konrad Mizzi (kandidat stilla ta’ veru!), u Keith Schembri mhux ‘attakk fuq il-laburisti’. Trid tkun moħħ ta’ tiġieġa biex taħseb hekk, jew xi wieħed minn dawk l-imzazen li temmen iċ-ċuċati farseski tar-re tal-logorrea insensata Manuel Cuschieri. L-istituzzjonijiet iridu jkunu vermanet fallew totalment biex wara l-informazzjoni dettaljata li ħarġet minn diversi każijiet jibqgħu ċassi. Tridux tiddettaw x’jinkiteb fl-inkjesta maġisterjali ukoll? Ħalluna tridux – mhux kulħadd balalu.
Forsi anke l-investigazzjoni tal-canvassers u d-drivers li mexxew l-iskema tal-frodi tal-benefiċċji huwa ‘attakk fuq il-laburisti’ għal xi wħud. Anke hawn il-mentalita hija ‘l-gvern tagħna u nagħmlu li rridu’ jew inkella l-mentalita tal-mejtin bil-ġuħ li kompla saħħaħ Muscat, dik taċ-ċrieki ta’ ġewwa, li bħala premju għal-lealta tagħhom lejn il-mexxej – mhux lejn xi ideal, għax dak lanqas idea m’għandhom u wisq anqas jimpurtahom – jitħallew jiffangaw mill-‘buffet’ tal-istat. Qishom qatt ma ħarġu mid-dar.
Il-mentalita miskina ta’ dawn in-nies… dik li l-elezzjoni ttik dritt divin li taħxi, u min mhux magħna kontra tagħna – distilazzjoni tal-marda infettiva li ħakmet lil pajjiżna.
Muscat u Abela jfakkruni fil-populiżmu moqżież ta’ Rodrigo Duterte tal-Filippini. Għalihom id-demokrazija tfisser biss l-elezzjoni ġenerali, u bir-rebħ tal-elezzjoni huma jsiru ‘l-istat’ isiru l-‘kings’, u jsiru l-personifikazzjoni ‘tal-poplu’, tal-vuċi tal-poplu. Fil-ktieb ‘The Age of the Strongman’ (2022), Gideon Rachman jispejga kif diversi mexxejja oħra jużaw manipulazzjoni simili, minn Boris Johnson, sa Trump, u Putin sa Orban.
Fuq Duterte jgħid:”[Duterte] possesses an inchoate nationalism and a contempt for the educated ‘chattering classes’… Like these two leaders [Trump and Bolsanaro], Duterte operates on instinct and patronage, appointing government officials on the basis of loyalty and personal friendship.” Din is-silta fakkritni fl-awtoritajiet tal-istat mimlija lagħqa, u fil-kontroll ta’ Kastilja, forsi bl-aktar mod oxxen minn Keith Schembri fi żmien Muscat, fuq il-Pulizija u l-indħil fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Bħal Duterte, Trump, Bolsanaro u Johnson, in-nazzjonaliżmu jintuża bħala għodda biex jimmanipulaw wlill-partitarji. Il-Maltin ‘vera’ huma l-laburisti. Is-saħħa lill-Maltin, għax ‘attakkati minn l-establishment’ (???). It-tendenzi l-aktar populisti-nazzjonalisti medjokri u bla ebda bażi ta’ ħsieb tal-Partit Laburista inkredibbli.
Leave a Reply