Meta aktar ma jkollok anqas tikkontribwixxi

Il-kriżi tal-klima hija reali. Din il-kriżi tfisser il-bżonn ta’ bidla fis-sistema ekonomika. Is-sistema ekonomika preżenti tfisser ħela ta’ riżorsi, tniġġis tal-ambjent tagħna li minnu niddependu għal saħħitna, sistema fejn il-ftit multimiljunarji u biljunarji jrekknu l-ġid filwaqt li d-dinja tkompli tara inugwaljanzi kbar, tniġġis kbir, u ħaddiema li l-pagi tagħhom ma jaslux sal-aħħar tax-xahar. Biss biss insemmi kumpaniji dinjin li jkissru ‘l-ħwienet lokali, li jużaw l-informazzjoni ikkreata mill-istampa b’xejn u jdaħħlu l-biljuni mir-riklami imma mbagħad ma jagħtu xejn lura lill-komunitajiet tagħna.

Għalhekk hemm bżonn taxxa Ewropea fuq il-ġid imrekken, magħrufa bħala ‘wealth tax’. Għadna bżonn li nassiguraw li kumpaniji enormi li joperaw fuq skala dinija – inkluż fuq skala Ewropea – jerfgħu l-aktar mill-piż li bħalissa jaqa’ fuq il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar marbutin mal-komunitajiet tagħna. Hemmbżonn li nergħu nemfasizzaw il-kunċett ta’ progressività fit-taxxa, fejn verament min jiflaħ l-aktar, u anke min iniġġes l-aktar iħallas l-aktar. Hekk titlob il-ġustizzja soċjali u ekoloġika. Il-multinazzjonali pajjiż waħdu, mhux l-anqas pajjiż bħal Malta, ma jistax għalihom. Flimkien mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żgur li nistgħu nkunu aktar effettivi.

X’jista’ jiġi iffinanzjat minn taxxa fuq il-biljunarji u kumpaniji multinazzjonali? Eżempju wieħed huwa finanzjament addizzjonali u massiv tal-Fond Soċjali għall-Klima, biex niżguraw tranżizzjoni ġusta għall-familji ta’ dħul baxx. Fil-każ tal-media, kumpaniji bħal Google u oħrajn li jdaħħlu l-biljuni ta’ Ewro fl-Unjoni Ewropea għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tad-djar ta’ pubblikazzjoni online, per eżempju. Mod ieħor biex niġġieldu l-inugwaljanzi u niffinanzjaw ekonomija aktar ħadra u ġusta hija taxxa fuq l-ispekulazzjoni finanzjarja. L-ispekulazzjoni finanzjarja tfisser profitti enormi għas-sinjuruni minn fuq dahar logħob bil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ikel jew inkella profitti enormi mit-tniġġis. Għalhekk tassazzjoni fuq spekulazzjoni finanzjarja tagħmel sens.

Studju dwar taxxa fuq il-ġid ta’ aktar minn bejn miljun u żewġ miljun Ewro (wealth tax) ippubblikat fil-ġurnal Ecological Economics (‘Can a European wealth tax close the green investment gap?’ tal-ekonomisti Jakob Kapeller, Stuart Leitch u Rafael Wildauer)  juri kif parti sostanzjali tal-ispiża tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għal tranżizzjoni ekoloġika biex jintlaħqu l-miri ta’ Pariġi dwar il-klima tista’ tintrefgħa minn min jiflaħ, l-aktar 1% sinjuri, u x’aktar iniġġes l-aktar. Skont dan l-istudju hemm bżonn jintefqu €476 biljun addizzjonali kull sena sal-2050 biex nagħmlu t-transformazzjoni soċjali u ekoloġika meħtieġa. L-istudju juri kif skont ir-rati ta’ tassazzjoni fuq l-aktar 1% sinjuruni, minn 2% sa 11% taxxa fuq l-ġid ta’ aktar minn miljun jew 2 miljun Ewro tista’ tiffinanzja minn 44%, 52%, 83% u saħansitra 296% tal-infieq neċessarju mingħajr ma jinbidel xejn fit-tassazzjoni għal 99% tal-popolazzjoni tal-UE. Fi studju ieħor, l-ekonomista Gabriel Zucman, li jmexxi l-EU Tax Observatory ippropona, bħala bidu ta’ proċess li jwassal għal dik li jsejjaħ ‘taxxa minima globali’, taxxa ta’ 2% fuq l-aktar persuni sinjuri madwar id-dinja. L-istima tiegħu hi li jinġabru madwar $250 biljun minn 2,756 biljunarju. Fl-2021 140 pajjiż, wara għaxar snin ta’ diskussjonijiet ftehmu fuq taxxa minima ta’ 15% fuq l-akbar kumpaniji multinazzjonali. F’Malta xi wħud minn dawn il-kumpaniji jikkontribixxu miżerja ta’ 5% f’taxxa.

Nistiednek tħares lejn il-payslip tiegħek u tikkalkula kemm tħallas persentaġġ taxxa u bolla fuq il-paga tiegħek. Jew inkella jekk għandek kumpanija żgħira, tistaqsi lilek innifsek għaliex tħallas 35% fuq il-profitti u dawn bi dħul bil-bosta akbar minn tiegħek jikkontribwixxu porzjon ħafna anqas minnek. Fi ftit snin kif ilna nwissu dis-sistema inġusta li tiffavorixxi lill-biljunarji se jkollha tieqf, anke f’pajjiżna.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *