Toroq għan-nies

Kelliema tal-ADPD-The Green Party qalu li fejn f’pajjiżi oħra qed jaraw kif inaqqsu l-effett tat-tniġġis mill-karozzi, f’Malta nkomplu noħolqu infrastruttura li taġevola biss lill-karozzi. Jekk dak li jkun ma jħossux sigur li jimxi jew li juża xi mezz ieħor bħal ngħidu aħna rota fit-toroq tagħna dawn se jibqgħu fgati bil-karozzi. Hawn Malta imma l-gvernijiet u l-partiti l-oħra ma jitgħallmu qatt: iridu aktar u aktar toroq li ma jsolvu xejn.

Is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD Dr Ralph Cassar qal li illum qegħdin is-Swieqi fejn se jerġgħu jirrepetu l-istess żbalji li għamlu postijiet oħra. Mingħalihom li bil-flyovers se jsolvu xi ħaġa. Reġgħu ħolmu wkoll bi triq lejn Smart City, il-proġett li falla kompletament u sar biss spekulazzjoni tal-proprjetà. Ir-realtà hi li bil-karozzi fit-toroq li kulma jmur dejjem jiżdiedu, il-proposti tal-gvern qegħdin dejjem ikunu iffokati fuq dwar kif se jaġevola aktar u aktar l-użu tal-karozza minflok ma nixprunaw lin-nies biex jużaw mezzi alternattivi minflok il-karozza.  Skont l-aħħar stħarrig tal-NSO sal-aħħar kwart tas-sena 2023 qrobna lejn 440,000 karozza. Mid-dehra naje t-trabi għandhom karozza! Xejra insostenibbli. Dawn huma numri li għad-daqs tal-pajjiż ma humiex sostenibbli u dan kollu qed  jiġi rifless fil-ħin li nqattgħu fit-traffiku biex nivvjaggaw distanzi relattivament qosra.Din turi n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u ppjanar li jimbotta aktar u aktar nies jużaw il-karozza tagħhom flok mezzi oħra. Anke il-pjazza tal-Mosta quddiem il-knisja maestuża, irrangawha imma ħallewha roundabout! F’liema post fl-Ewropa jrisu dawn l-affarijiet fl-2024?

Cassar sostna li l-fatt li tal-linja ġiet b’xejn għal min jużaha xorta ma ħalliex effett fuq il-volum tal-karozzi privati fit-toroq. Kien attentat fjakk nofs ħeġġa u bla immaġinazzjoni għax il-problema qatt ma kienet il-prezz tal-biljett imma l-effiċjenza tat-trasport pubbliku, propju għax jeħlu fit-traffiku. Filwaqt li l-flotta tal-karozzi ġiet immodernizzata u saret ukoll aktar aċċessibbli, is-servizz u l-effiċjenza baqgħu ibatu, għax il-gvern ma jridx jagħti prijorita lis-servizzi pubbliċi fit-toroq tagħna. Fejn huma l-bus priority corridors imsemmijin fil-Masterplan dwar it-trasport tal-gvern? Iva ċerti żoni għandhom bżonn servizz aktar spiss, servizz ta’ darba kull siegħa ma jagħmilx sens. Postijiet kbar ukoll għandhom bżonn servizzi li jibdew fil-lokalità għax hemm domanda kbira għas-servizz, eżempju, aktar karozzi tal-linja jibdew minn Buġibba,l-Mosta, Fgura, Marsaskala, Birkirkara, fost oħrajn. Hemm bżonn ukoll ħafna aktar emfasi fuq mezzi oħra ta’ trasport, li jtaffu l-pressjoni fuq it-trasport pubbliku. Ma ninsewx ukoll mezzi bħal escooters li hemm domanda għalihom imma suppost se jiġu scrapped sa Marzu pero’ l-Ministru l-ġdid wera li jistgħu jibqgħu. Eżattament jafu x’qed jagħmlu?

Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li meta tara l-proġett propost tal-flyovers u l-junctions tas-Swieqi u ta’ Pembroke tinduna kemm nies li jużaw mezzi alternattivi lanqas biss jiġu kkunsidrati fil-pjanijiet. Il-bike lanes lanqas biss ġew ikkontemplati fi proġett ta’ dan it-tip u l-karozza tibqa l-aktar mezz aġevolat minn dan il-gvern li bilkemm jaħbi l-fissazzjoni li għandu għall-karozza u li ma jagħmel xejn biex iħajjar lin-nies li jimxu, jużaw rota jew it-transport pubbliku. Il-futur għal gvern hu karozza u xejn aktar. Dan jidher ħsieb anakronistiku u ta’ żmien il-passat u mhux ta’ gvern li suppost ikun modern u jara fit-tul.

Gauci kompliet li fejn f’pajjiżi oħra qed jaraw kif inaqqsu l-effett tat-tniġġis mil-karozzi, f’Malta nkomplu noħolqu infrastruttura li taġevola biss lill-karozzi.  Il-gvern irid ikun konsistenti u jkun hu li bil-proġetti proposti jaġevola mezzi differenti ta’ trasport. It-toroq mhumiex tal-karozzi biss. Il-gvern hu responsabbli minn dawn il-proġetti kbar li jħallu impatt fuq il-ħajja tan-nies u l-mezzi tat-trasport li jużaw minn post għall-ieħor. Għandu l-obbligu morali li jkun hemm road sharing sura u jassigura li min juża rota jew jimxi jħossu sigur meta jagħmel dan u mhux il-vjaġġ jissarraf f’riskji ta’ inċidenti li jistgħu ikunu fatali. Nemmnu li ladarba t-toroq ikunu siguri u effiċenti għal min juża mezzi alternattivi ta’ trasport il-volum tal-karozzi jonqos mit-toroq tagħna. Imma sakemm il-gvern ma jirnexxielux jiggarantixxi proġetti li juru li hemm verament rieda li jkun hemm road sharing, ftit se jkunu dawk li se jissugraw jużaw rota bħala mezz ta’ trasport imma tibqa biss passatemp li tipprattika fil-weekend filgħodu kmieni biex tevita l-karozzi.

Qed nitilfu opportunitajiet tad-deheb u qed nibqgħu naraw proposti li huma anakronistriċi u ma jgħoddux għaż-żminijiet tal-lum. Hemm bżonn li l-gvern joħroġ mil-comfort zone tiegħu u joffri infrastruttura serja moderna li mhix iċċentrata fuq il-karozzi biss. Il-flyovers u l-junctions tas-Swieqi u Pembroke m’huma se jsolvu xejn. Il-kliem sabiħ tal-Prim Ministru dwar il-bidla fil-klima huwa kliem fil-vojt la l-gvern m’għandux ir-rieda politika u l-kuraġġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex inaqqas l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra, temmet tgħid Gauci.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *