L-għażla li jippruvaw ibellgħulna hi jew niftħu s-swieq tal-Unjoni Ewropea beraħ għall-importazzjoni ta’ ikel ta’ kwalità baxxa jew ma jkollniex biżżejjed x’nieklu. Għażla falza oħra li jriduna nemmnu hi li għandna naċċettaw il-qerda tal-art u tal-ilma, u naċċettaw li nibqgħu ngħumu, nieklu u nixorbu soppa ta’ kimika jew inkella mmutu bil-ġuħ. Dawn huma l-għażliet foloz li jriduna nemmnu dawk li jridu jħallu l-Politika Agrikola Komuni (PAK) Ewropea kif inhi, jiġifieri li tiffavorixxi lill-agroindustrija u lill-multinazzjonaliżmu. Dawn huma l-falsitajiet li koalizzjoni ta’ konservattivi u oħrajn favur l-agroindustrija jridu jbellgħulna.
Minkejja l-apparenzi, anke fil-biedja, hemm il-bdiewa ż-żgħar, jew kif jissejħu family farms, imma jidħlu wkoll interessi kummerċjali enormi li jċajpru l-argumenti apposta biex jiġbdu lejhom. Imbagħad fil-politika għandek dawk li dejjem urew li jinteressahom jiddefendu l-interessi kummerċjali l-kbar, mhux l-inqas il-partit Ewropew ta’ Metsola, il-PPE mmexxi minn Manfred Weber. Dawn ma jinteressahomx mill-bidwi Malti u Għawdxi, u frankament lanqas minn dak Sqalli u Belġjan, iżda jinteressahom mill-interessi tal-multinazzjonali bħall-Bayer, il-BASF u tas-Syngenta fost oħrajn.
Skont investigazzjoni ta’ riċerkaturi u ġurnalisti ta’ DeSmog u Politico bejn Jannar tal-2020 u Lulju 2023, sitt Membri Parlamentari Ewropej mill-PPE ta’ Metsola u Weber – mill-Ġermanja, Slovenja, l-Italja u Franza – kellhom aktar minn erba’ mitt laqgħa mal-akbar gruppi agroindustrijali tal-pestiċidi, inkluż il-Bayer, BASF, Corteva u Syngenta, tal-fertilizzanti, Yara u OCP Group, u anke l’hekk imsejħa union, li fil-fatt hija l-vuċi tal-agrikoltura industrijali, il-Copa-Cogeca. Dan hu aktar minn tmien darbiet aktar milli ltaqgħu ma’ għaqdiet li jħarsu l-interess pubbliku. Ir-realtà hi li l-PPE qiegħed fis-sodda ma’ interessi kummerċjali enormi.
Il-gvernijiet immexxija mill-partiti membri fil-PPE u l-Kummissjoni Ewropea, għal sittin sena sħaħ fasslu PAK li tiffavorixxi lill-ġganti fl-industrija agrikola, bil-kompliċità jew bis-silenzju tas-Soċjalisti, li jibbrillaw f’dikjarazzjonijiet sbieħ, imma mal-ewwel intopp iċedu mill-ewwel biex jieħdu xi pultruna ’l hemm u ’l hawn u għax għadhom jemmnu fil-produzzjoni industrijali bla rażan. Il-ġganti tal-agrikoltura industrijali, magħqudin fil-Copa-Cogeca, jippużaw ta’ bdiewa. Fil-fatt huma industrijalisti li jridu jerdgħu kemm jistgħu sussidji a skapitu tal-bdiewa li verament huma l-għassiesa tal-art. Dawn il-kumpaniji jixorbu l-parti l-kbira tas-sussidji tal-PAK. Aktar minn 80% tas-sussidji agrikoli tal-Unjoni Ewropea jmorru għand l-akbar 20% tal-‘bdiewa’. Dawn mhumiex bdiewa b’xi zappuna!
F’Malta, waħda mill-problemi hija li s-soltu spekulaturi tal-art qed jixtru art agrikola mis-sidien. Isibu modi kif jixorbu s-sussidji bi tkabbir ta’ prodotti partikolari bħal siġar taż-żebbuġ u dwieli u jbiddlu xi razzett f’xi wellness centre, u oħroġ il-għaġeb anke dawn isiru ‘bdiewa’. Il-bidwi ta’ vera, imbagħad, jispiċċa jsaffar. F’Malta l-akbar inkwiet għall-bdiewa li mhumiex sidien tal-art li jaħdmu huwa l-aċċess għal art agrikola ta’ kwalità tajba, bi prezzijiet raġonevoli. Hemm ukoll il-problema ta’ sussidji li mhux ibbażati fuq pereżempju s-sostenibbiltà tal-prattiċi użati, jew inkella ma jħajrux żviluppi tekniċi u xjentifiċi lejn agrikoltura aktar sostenibbli u lejn agrikoltura riġenerattiva, imma pjuttost jippremjaw l-istatus quo. Imbagħad għandek lill-Gvern li bil-liġijiet tal-ippjanar jiffavorixxi l-bini minflok lill-biedja. Bħal fl-Għerien, fil-Miżieb, fejn minflok jara kif tissewwa l-ħsara ta’ raba’ li nbiegħet fil-passat, u li l-art tiġi rijabilitata u terġa’ tibda tinħadem, jingħata permess għall-bini tal-vilel ‘għax art mibnija diġà’ avolja abbandunata. Dan hu gvern li jiġġustifika bini sfrenati bl-iskuża tal-art ODZ li ngħatat għall-bini min-Nazzjonalisti fl-2006. Qegħdin fil-but tal-ispekulaturi, u allura ma jridux ireġġgħu lura d-deċiżjoni devastanti tan-Nazzjonalisti. Inċidentalment, fil-kampanja elettorali li għaddiet, anke Bernard Grech qal li jridu jħallu kollox kif inhu. It-tnejn li huma favur il-qerda tar-raba’. Lanqas jafu jistħu dan-nies.
Il-mira ta’ xi wħud, minflok riforma ta’ kif jopera s-suq tal-ikel, huma l-istandards ambjentali. Il-mira ta’ Weber u d-demokristjani, fost oħrajn, hija li jdgħajfu l-protezzjoni tas-saħħa tagħna. Iridu jivvalenawna. L-istandards huma essenzjali: għajb għal dawk li jridu jbaxxuhom. Minflok inbaxxu l-istandards, għandu jkun hemm protezzjoni minn prodotti minn barra l-UE ta’ standard baxx. Għandu jkun hemm aktar u aktar għajnuna effettiva teknika u xjentifika. Huwa minn ewl id-dinja li l-agrikoltura għandha bżonn sostenn pubbliku, imma das-sostenn għandu jmur lil min għandu bżonnu, il-bidwi ta’ vera, u mmirat għall-ġid tas-soċjetà. Sfortunatament, l-interessi kummerċjali kbar fl-UE qed jixorbu 80% tas-sussidji! Hija sfortuna kbira li r-rabja tal-bdiewa ġenwini, qed jirkbu fuqha dawk li ġabuhom fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha, bil-fissazzjoni fis-suq isuq u bil-mentalità li tiffavorixxi lill-industriji l-kbar u lill-monopolji agroindustrijali. Żgur ma jemmnux fil-mantra ta’ ‘small is beautiful’! Għall-inqas, fil-kontinent, dir-rabja qed jirkbu fuqha l-alleanza tal-partiti konservattivi tal-PPE, il-lemin estrem u l-lobbies sinjuruni agroindustrijali fosthom il-Copa-Cogeca biex ikomplu bil-pjan tagħhom li jkomplu jeqirdu l-kampanja, iniġġsu kemm jifilħu u jaħtfu fondi Ewropej biex iħaxxnu bwiethom. Min jiddefendi lil dawn il-lobbies qed jiddefendi t-tniġġis, il-mard, il-qerda tal-pajsaġġi u ta’ pajjiżna f’isem il-profitti enormi.
Il-verità hi li l-liġijiet u regolamenti ambjentali huma bżonjużi għall-bdiewa ġenwini għax huma jridu jiffaċċjaw in-nixfa, is-sħana u l-bidliet f’daqqa u distruttivi tat-temp. L-agroindustrija trid tbigħ il-prodotti tagħha. Biex il-bdiewa jużaw iż-żerriegħa tal-uċuħ tar-raba’ li jifilħu aktar għal varjazzjonijiet fit-temp iridu jonfqu ġidhom, iridu jużaw aktar pestiċidi. Tal-anqas hekk jgħidulhom il-kumpaniji multinazzjonali. Għal aktar minn sittin sena, il-PAK ippumpjat sussidji li fissru l-industrijalizzazzjoni tal-biedja, dipendenza enormi fuq il-fuels fossili, fertilizzanti artifiċjali u pestiċidi qerrieda. Il-PAK saħħet lill-kumpaniji kbar industrijali u kissret lill-bdiewa veri. Sadanittant l-industrija agrikola u l-korporazzjonijiet tal-ikel komplew iħaxxnu bwiethom, komplew jixorbu sussidji għall-produzzjoni esaġerata ta’ ikel ta’ kwalità baxxa. Huma dawn il-korporazzjonijiet li orkestraw kampanja sħiħa biex ma jkunx hemm riforma tal-PAK f’dawn is-snin bil-koperazzjoni tad-demokristjani u l-kompliċità tas-soċjalisti u l-liberali.
Hemm ukoll il-fissazzjoni tat-trojka PPE-Soċjalisti-Liberali li moħħhom biex jiffirmaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bħal dak UE-Mersosur li jħalli l-importazzjoni tal-ikel li fuqu ntużaw pestiċidi li l-bdiewa tal-UE ma jistgħux jużaw imma li kumpaniji bħal BASF, Bayer u Cargil jipproduċu fl-UE u jbellgħu lill-bdiewa u lill-agroindustrija f’pajjiżi oħra ifqar. Jeqirdu lill-bdiewa fqar, jivvalenaw l-artijiet f’pajjiżi fqar l-aqwa li l-ħbieb tagħhom jiffroxxnaw. Tal-mistħija. Hemm il-kompetizzjoni inġusta fejn prodotti rħas immens, anke minħabba sussidji enormi mill-gvernijiet, pereżempju mill-Magreb, jispiċċaw fis-swieq tal-UE. Kif jista’ bidwi żgħir jlaħħaq f’dan ix-xenarju? Fejn hu l-level playing field?
Il-bdiewa ġenwini fl-Unjoni Ewropea, inkluż f’Malta, għandhom jagħmlu dħul diċenti mix-xogħol iebes tagħhom. Min ikabbar għas-suq lokali – il-kunċett li l-ikel frisk għandu jmur għand il-konsumatur l-aktar viċin ta’ fejn jitkabbar – għandu jkollu vantaġġ fuq ikel impurtat u proċessat. Irridu niżguraw li ma jkunx hemm kompetizzjoni inġusta minn prodotti li ma jirrispettawx l-istess standards tagħna. Dak mhux vera suq ħieles u ġust, imma suq monopolistiku favur is-swieq finanzjarji. Minflok sussidji Ewropej ibbażati fuq biedja industrijalizzata bbażata fuq il-pestiċidi, u li tiffavorixxi lill-kumpaniji kbar b’għelieqi enormi, aktar qishom fabbriki minn art agrikola mimlija diversità naturali, is-sussidji għandhom imorru għand bdiewa ġenwini, b’investiment kbir f’metodi agroekoloġiċi. Ix-xjenza u t-teknoloġija u l-agronomija moderna għandha tkun għas-servizz tal-bniedem, mhux għas-servizz tal-profitti enormi minn fuq dahar iż-żgħir. Sussidji li jiggarantixxu ġustizzja soċjali għal dawk li jkabbru ikel frisk, u jieħdu ħsieb l-art, mhux dawk li jeqirduha b’soppa ta’ kimika, jipproduċu żżejjed, u jniġġsu bl-addoċċ biex jibilgħu aktar sussidji.
F’Malta hemm bżonn li naraw li l-liġi dwar il-qbiela tkun effettiva u tħalli l-effetti mixtieqa, biex fejn hemm bżonn, isiru interventi biex titjieb. L-art li tista’ tinħadem għandha tiġi ddikjarata bħala art li għandha tintuża għall-agrikoltura biss u għal xejn aktar. It-toqob fil-liġijiet tal-ippjanar għandhom jingħalqu. Huwa ta’ għajb li huwa l-Gvern stess li jkeċċi l-bdiewa biex jibni aktar toroq li m’għandniex bżonn. Huwa essenzjali li ma jibqgħux joħorġu permessi għal aktar bini residenzjali fil-kampanja. Anzi, fejn hemm bżonn, il-Gvern għandu jixtri art agrikola biex tintuża minn min irid jaħdimha bi qbiela raġonevoli. Il-Gvern għandu wkoll jgħaddi mill-paroli għall-fatti fuq livell tal-Unjoni Ewropea u jisħaq fuq reviżjoni tal-PAK.
Mhux vera li l-istandards ambjentali, tal-bijodiversità, u dawk li jipproteġu s-saħħa tan-nies il-problema. Il-problema hija li l-Kummissjoni Ewropea ddominata mill-PPE, u gvernijiet konservattivi, soċjalisti u liberali pro-big business, li spiċċaw fis-sodda, jew ostaġġi ta’ lobbies industrijali bħal Copa-Cogeca. Dawn huma l-lobbies ħnieżer li taw daqqa ta’ ħarta kbira lill-bdiewa. Il-lobbies li jriduna nagħżlu li nibqgħu ngħumu f’soppa kimika, f’ambjent meqrud, li jridu ħaddiema agrikoli foqra, u li jriduna nibqgħu naċċettaw ikel ta’ kwalità baxxa.
Ippubblikat fl-ILLUM: https://www.illum.com.mt/opinjoni/politika/69668/ralph_cassar__daqqa_ta_arta_kbira_gallbdiewa__
Leave a Reply