Daqshekk massakri! Palestina ħielsa!

Is-sitwazzjoni fil-Palestina u l-Iżrael, u f’pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani hija riżultat tal-attitudni arroganti partikolarment tar-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika – ir-rebbieħa tat-Tieni Gwerra Dinjija – li bħal kull kolonizzatur pinġew linji fuq il-mappa tal-Lvant Nofsani, biex ‘isolvu’ problema bla ebda kunsiderazzjoni tal-popolazzjoni tal-post – kolonizazzjoni minn Ewropej li qatt ma kienu ‘minn hemm’ u t-tkeċċija ta’ kważi miljun Palestinjan minn arthom. Din hi r-realta storika.

Realta oħra, jgħid x’jgħid u jsabbat kemm isabbat saqajh il-gvern Iżraeljan, hija, kif qal sewwa s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, li l-vjolenza u l-barbariżmu, iva anke fuq ċivili – barbarika u tal-biża’ kemm tridha – isseħħ f’kuntest. Kuntest ta’ oppressjoni li timbotta lin-nies fl-idejn tal-fundamentalisti. Il-fundamentaliżmu huwa tip ta’ populiżmu għax jagħti soluzzjonijiet sempliċi, iswed jew abjad – huwa riżultat ta’ frustrazzjonijiet storiċi, ta’ tbatija tul snin sħaħ, u ta’ oppressjoni u okkupazzjoni krudili. L-istorja l-aktar riċenti turina li l-lemin estrem Iżraeljan iridu jeqirdu lill-Palestinjani, litteralment. Mela ma noqgħodux nilagħbuha tal-fidili meta ovvjament nisimgħu diskors simili min-‘naħa l-oħra’. Il-mibgħeda u l-oppressjoni tipperpetwa aktar mibgħeda. Meta xi Ministru Iżraeljan jhedded lil uffiċċjali tan-NU, ta’ min niftakru wkoll li l-Iżrael, bl-appoġġ tal-Istati Uniti ilu jinjora riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda għal deċennji sħaħ.

Ma ninsewx li fl-4 ta’ Novembru 1995, il-Prim Ministru Iżraeljan Yitzhak Rabin inqatel kiesaħ u biered f’Tel Aviv (Ġaffa) minn Yigal Amir, estremista Iżraeljan tal-Lemin, għax ma ħamilx li Rabin iffirma ftehim ta’ paċi mal-Palestinjani (il-ftehim ta’ Oslo). Kollox beda sejjer lura minn dak iż-żmien. Huwa wkoll dokumentat li l-Prim Ministru korrott u kriminali attwali Netanyahu kellu strateġija li jsaħħaħ lill-Hamas, fundamentalisti reliġjużi, biex jumilja u jdgħajjef lill-partit u fazzjonijiet aktar sekulari bħall-Fatah u lill-Awtorita Palestinjana. L-iskop li qatt ma jkun hemm kundizzjonijiet li l-Palestinjani jkunu magħqudin biżżejjed biex fl-aħħar jieħdu lura dak li huwa tagħhom: stat vijabbli Palestinjan, inkluż id-dritt ta’ ritorn ta’ dawk li tkeċċew bil-forza minn arthom mill-Iżrael.

1,400 Iżraeljan innocenti nqatlu barbarikament fis-7 ta’ Ottubru. Minn dakinhar inqatlu aktar minn 6,500 Palestinjan innoċenti f’Gaza. Għax il-ħajja ta’ Palestinjan tiswa anqas minn dak ta’ Iżraeljan. Għax bħallikieku li tinqatel b’bomba minn ajruplan tal-gwerra huwa anqas barbariku milli balla minn arma tan-nar. Il-bumbardament ta’ Gaza mill-Iżrael mhux ġustifikat, jgħidu x’jgħidu estremisti reliġjużi fil-gvern Iżraeljan, jgħid x’jgħid kriminal u korrott bħal Netanyahu. Sadanittant fix-Xatt tal-Punent ukoll inqatlu mal-mitt Palestinjan mis-7 ta’ Ottubru.

L-unika soluzzjoni fit-tul hija li nies f’sensihom minn Iżrael jeħilsu minn estremisti bħal Netanyahu li huma responsabbli għal din is-sitwazzjoni għax bellugħha lil nieshom li l-oppressjoni tal-Palestinjani se ġġibilhom is-sigurta. Il-Palestinjani għandhom bżonn jifmhu li fazzjonijiet bħal Ħamas huma kontrollati mill-Iran – u għaldaqstant għandhom jeħilsu minnhom. L-unika soluzzjoni fl-aħħar mill-aħħar hija Palestina ħielsa, mingħajr l-indħil ta’ interessi ta’ pajjiżi oħra.

Hawn għandek issib riżoluzzjoni preżentata mill-Ħodor fil-Parlament Ewropew – naħseb issemmi l-aktar punti importanti inkluż ir-realta tal-okkupazzjoni Iżraeljana. Taqrax it-titlu biss! Ir-riżolużżjoni finali approvata hija ħafna aktar ‘vaga’. Imma għal darba rajt diversi politiċi jimbuttaw lura kontra n-narattiva tal-PPE – inkluż ta’ von der Leyen u Metsola li irrepetew in-narattiva sterili tipika ta’ xi politiċi Ġermaniżi – li minħabba l-hangover tal-istorja tagħhom – lanqas għandhom is-sinsla li jitkellmu kontra l-oppressjoni u l-okkupazzjoni krudili tal-Palestina, u lanqas m’għandhom il-fibra morali li jwissu lill-Iżrael biex ma jkomplux bil-massakru tal-Palestinjani.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *