Ftit ħsibijiet… (1)

Ftit jiem ilu qam agħa sħiħ għax tħabbar li se tingħalaq Triq il-Wied f’Birkirkara, il-biċċa quddiem il-każin tal-banda Duke of Connaught il-ġurnata kollha tul il-ġimgħa tal-festa. Ovvjament kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu u x’aktarx id-deċiżjoni li tingħalaq mis-6.30pm minflok minn filgħodu, anke għax ħafna rotot tat-trasport pubbliku jgħaddu minn hemm huwa kompromess aċċettabbli. Imma jekk tinnota min rikeb il-karru tal-agħa u ħalli għalih jitkellem kontra l-‘pedestrianalisation’ (sic!) temporanja, tinnota li huma nies li jridu l-istatus quo. Ma jimpurtahomx li għal ftit jiem fis-sena triq traffikuża u waħda mill-aktar imniġġsa tingħalaq għal ftit jiem u b’hekk tista’ tintuża min-nies tal-lokal bħala spazju ħieles mill-karozzi u t-tniġġis. Il-problema anzi hi li m’għandhiex aktar żoni ħielsa mit-traffiku. Jew tal-anqas li minnhom jista’ jgħaddi t-trasport pubbliku biss. Imma l-aqwa li l-keyboard warriors jobżqu ċ-ċuċati online – b’Malti jew b’Ingliż imkisser.

DCIM\102GOPRO

Kif qegħdin fuq Birkirkara, forsi wasal iż-żmien, anzi konvint li wasal iż-żmien li Triq il-Kbira u l-pjazza tal-Knisja ta’ Sant’Elena , u anke quddiem l-Knisja ta’ Santa Marija jiġu pedestrijanizzati. X’sens jagħmel li tiftaħar ‘kemm għandna pjazza sabiħa’ meta filfatt il-pjazza hija carpark u triq passaġġa? Hemm metrodi kif jistgħu jingħataw servizzi b’mod sikur, f’ħinijiet speċifiċi, bl-użu tat-teknoloġija biex tikkontrolla l-aċċess u bi ppjanar tajjeb. Aħna mhux pajjiż speċjali – dawn l-affarijiet diġa jsiru fi bliet u pajjiżi oħra. Kull m’hemm bżonn politiċi b’viżjoni u bil-proverbjali bajd.

Għall-Mosta. Nifhem li x-xogħol fil-qalba tal-Mosta ilu sejjer wisq. Għandi esperjenza ta’ kuntratturi li jaħdmu bil-mod wisq għax frankament ma jkunux armati sew għax-xogħol. Problema kbira – minn kuntratturi tal-iskart u l-knis li huma prattikament one-man-show b’ħaddiema casual u bl-ebda idea ta’ ippjanar tajjeb tax-xogħol, sa kuntratturi tal-bini tat-toroq, l-istess, ta’ kif ġie, ġie. Ifhem fuq livell lokali l-budgets tant huma baxxi li litteralment tieħu ta li tħallas! Imma qed indur mal-lewża – dam kemm dam il-proġett tal-Mosta r-riżultat – iġifieri dak li qed tissejjaħ il-pedestrijanizazzjoni tal-pjazza ta’ quddiem il-knisja jidher stupend. Imma għalkemm qed tissejjaħ ‘pedestrijanizazzjoni’ mid-dehra m’hi pedestrijanizazzjoni xejn! Araw ir-ritratt meħud mis-sit LovinMalta. Hemm ‘STOP’ u sinjali tat-traffiku oħra miżbugħin u hemm il-lasti oranġjo wkoll! Ħasra kbira li proġett tajjeb se jfottuh. Għaliex? Minħabba l-qrid? ‘Għax ma nistax ngħaddi bil-karozza’ – xi ħadd qabbdek? ‘Għax se jbatu tal-ħwienet’ – filfatt l-istorja turi mod ieħor. L-istess qrid sar meta fl-aħħar tad-disgħinijiet ġiet pedestrijanizzata pjazza żgħira biswit l-knisja ta’ Ħ’Attard. Mhux triq passaġġa daqs il-Mosta, imma kienu jieħdu ‘short cut’ ħafna karozzi minn hemm. Tul is-snin dil-pjazza saret post fejn spiss isiru attivitajiet fiha mill-għaqdiet tar-raħal. Forsi wasal iż-żmien li aktar toroq fil-qalba ta’ Ħ’Attard jingħalqu għat-traffiku, imqar għal ċertu ħin tul il-ġurnata.

Malta Diżastru Totali (grupp fuq facebook li fih kulħadd ifajjar bl-addoċċ) juru r-razziżmu kemm kemm moħbi tagħhom, billi jaqbdu ma’ post ta’ ‘tal-linja’ li fiha jingħad li sar kors ta’ ftit jiem – 16-il siegħa – 4 sigħat għal 4 t’ijiem per eżempju għal ‘advanced drivers’. L-istess paroli tas-soltu ‘ftit wisq’, ‘x’għarukaża’ – ovvjament fl-isfond il-mibgħeda lejn barranin mhux Ewropej li qisu qed jingħataw xi ‘privileġġ’ b’dan it-taħriġ. Issa min qatt ħadem ġimgħa f’ħajtu jaf li fil-kumpaniji jsir ħafna taħriġ ‘qasir’. Repetutament. Taħriġ qasir, imma spiss – iva, anke għal min kwalifikat – għax, għal min forsi ma jafx, hemm ‘continuous professional development’ u x’naf jien, speċjalment f’xogħolijiet tekniċi. F’dal-każ dal-kors qasir sar, mid-dehra, biex l-esperjenza diġa miksuba tiġi formalizzata u dawk li urew interess ikunu mentors għal sħabhom sewwieqa. Li ssuq sew, anke karozza tal-linja, speċjalment għal persuni li diġa għandhom il-liċenzja għal vetturi kbar bħal dawn li qed jitkażaw fuqhom, mhux xi rocket science, u naqra kors intern extra juri anzi li hemm min irid ikompli jiżviluppa f’xogħlu. Qatt smajtu b’on-the-job-training jew?Imma fuq xi ħaġa jridu jikkummentaw hux -l-aqwa li jkunu qalu xi ħaġa. Dwejjaq totali.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *