Miriam Dalli… għall-pożi l-ewwel kieku!

Bħalissa Miriam Dalli u l-minions Laburisti bħal Jonathan Cardona li sarraf it-tessera f’ħafna pożizzjonijiet, fosthom issa CEO tal-Enemalta qegħdin fuq fomm kulħadd għall-inkompetenza grassa tagħhom.

Imma Miriam Dalli mhux biss fejn jidħol l-elettriku inkompetenti. Kieku kompetenti kienet tgħidilna mill-ewwel li l-Ministri ta’ qabilha kienu moħħhom biex idaħħlu €5000 kuljum u ħallew infrastruttura diżastru. Kieku kienet tgħidilna li se tara kif tagħmel u tibda x-xogħol biex issewwi dak li l-Laburisti korrotti ta’ qabilha m’għamlux. Fejn hu l-ippjanar fit-tul? Għaliex il-gvern kompla bil-politika tal-bini bl-addoċċ? Issa tippretendu li ma nwaħħlux fikom?

Imma Miriam Dalli aktar moħħha biex tivvinta pożizzjonijiet għall-minions Laburisti, fosthom għal Steve Ellul ta’ Project Green, li qed ‘imexxi’ xogħol li seta’ sar minn entitajiet eżistenti. Imma Steve Ellul għandu bżonn pożiżżjoni tajba biex jagħmel il-kampanja elettorali tiegħu bħala kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew iffinanzjat mit-taxxi tagħna.

Miriam Dalli tiġi taqa’ u tqum mis-suġġetti li suppost tieħu ħsieb. Eżempju huwa l-iżvilupp spstenibbli.

Il-Gvern jippubblika ħafna pjanijiet u strateġiji, imma mbagħad ftit naraw azzjoni biex dawn l-istrateġiji attwalment jitwettqu. Anzi ħafna drabi jiġu pubblikati strateġiji imma mbagħad il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-finanzjament għalihom ma jaslu qatt. L-istess qed jiġri bl-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2050, responsabilità ta’ Miriam Dalli.

Id-diskors politiku f’Malta sar wieħed populista fejn l-emfasi hija li kollox jibqa’ kif inhu biex ma jurtaw lil ħadd. Fejn jidħol l-iżvilupp sostenibbli, hemm il-bżonn ta’ deċizjonijiet iebsa li fl-aħħar mill-aħħar jwasslu għall-bidla meħtieġa għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Iżda anke gvern li jidher li huwa b’saħħtu elettoralment xorta mhux lest jwettaq ir-riformi meħtieġa. Qasam minnhom huwa l-użu tal-karozzi privati. Għalkemm l-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli tfittex li tkun indirizzata id-dipendenza fuq il-karozzi, min-naħa l-oħra l-gvern kontinwament jinkoraġixxi t-traffiku u l-karozzi, u ftit li xejn jinvesti f’toroq li jiskoraġixxu t-traffiku u jinkoraġixxu trasport alternattiv. Infakkar li l-istrateġija tal-gvern stess dwar it-trasport turi li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati huma għal distanzi li jieħdu inqas minn ħmistax-il minuta.

L-istrateġija ssemmi wkoll li l-gvern huwa mpenjat li jiffinanzja r-riċerka meħtieġa biex pajjiżna jilħaq il-miri ta’ ekonomija żero-karbonju. Iżda jibqa’ fatt li l-investiment fir-riċerka f’Malta huwa fost l-aktar baxx fl-Unjoni Ewropea. Fl-2020 Malta nefqet 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku, meta l-medja tal-UE kienet 2,3%.

L-istrateġija ssemmi l-użu tal-ilma u kampanji ta’ għarfien dwar l-użu bilgħaqal tiegħu. Iżda wasal iż-żmien għal miżuri effettivi. Miżura waħda hija infurzar fuq ir-rimi illegali tal-ilma mill-bjut fis-sistema tad-drenaġġ. Dan l-ilma għandu b’xi mod jinġabar jew jinħażen.

Insibu iktar sinjali kunfliġġenti fl-abbozz tal-istrateġija dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Numru ta’ miri huma spjegati b’mod ċar, bħall-klima, skart, xiri bi kritierji ambjentali, kwalità tal-arja, bijodiversità, tagħlim għall-ħajja, diġitalizzazzzjoni u l-ħtieġa ta’ għajnuna edukattiva lil studenti emigranti, fost oħrajn. Iżda xorta waħda hemm bżonn li dan il-kliem sabiħ fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’azzjoni. Iżda l-gvern u l-Ministri bħallikieku jibżgħu jispjegaw lin-nies x’hemm bżonn isir għax ma jridu jurtaw lil ħadd.

Min-naħa l-oħra, per eżempju, ħlief għal xi kummenti ġenerali ftit li xejn hemm direzzjoni dwar materji li jikkonċernaw l-użu tal-art. Riżorsa għalina skarsa u f’diversi ċirkustanzi użata ħażin kontra l-interess pubbliku. Il-Ministru Miriam Dalli fl-introduzzjoni tal-istrateġija tgħid li din tiffoka fuq nuqqasijiet eżistenti, iżda għal xi raġuni n-nuqqasijiet kbar fl-użu tal-art mhux meqjusa bħala importanti biżżejjed.

L-ispazji miftuħa eżistenti fiż-żoni urbani u l-irħula tagħna jinsabu taħt attakk, inkluż ġonna privati, uħud kbar, li huma taħt assedju mill-ispekulaturi li huma kontinwament aġevolati mill-gvern. Ftit li xejn, hemm referenza għall-importanza li tinħadem l-art agrikola u li din ukoll tiġi protetta mill-ispekulaturi. Għalkemm Miriam Dalli tiftaħar b’€700 miljun fi spazji miftuħa, fl-istess nifs qegħdin jintilfu kontinwament spazji miftuħa kbar, riżultat tal-falliment tal-ippjanar fl-użu tal-art.

B’dawn in-nuqqasijiet is-siwi tal-istrateġija proposta dwar l-iżvilupp sostenibbli hu wieħed limitat. Ikun iktar utli li titfassal mill-ġdid. Imma Miriam sejħulha għal photo-op oħra u m’għandhiex ċans!


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *