Kif hija kalkulata r-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali? Dawk li jdaħħlu anqas minn 60% tal-paga medja, li Malta tfisser dħul ta’ anqas minn €10,000 – standardizzat skont id-daqs tal-familja. Hemm ukoll kejl ieħor li jwassal għal 103,000 persuna, madwar 20% tal-popolazzjoni tal-pajjiż li jgħixu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Illum ġurnalist tal-ONE News waqt konferenza stampa tagħna ta’ ADPD – The Green Party innota li din hija taħt il-medja tal-UE. Bi ftit vera, imma l-punt jibqa’ li s-sistema ekonomika qed tħalli 20% tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar. Int tgħix bi dħul ta’ anqas minn €10,000 fis-sena? Tafu li l-ispiża fuq l-essenzjali – iġifieri l-ikel – għal familja ta’ erba’ persuni żdied b’€1500 fis-sena? Problema mal-UE kollha? Iva anke 10% f’riskju ta’ faqar hija problema. Se jinqata’ l-faqar kompletament? Lil hemm għandna nimxu. Bla tlaqlieq u bla skużi.
Skont il-Eurostat (traduzzjoni awtomatizzata): Fl-2022, 95.3 miljun persuna fl- UE (22 % tal-popolazzjoni) kienu f’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, jiġifieri għexu f’unitajiet domestiċi li jesperjenzaw mill-inqas wieħed mit-tliet riskji ta’ faqar u esklużjoni soċjali: riskju ta’ faqar, privazzjoni materjali u soċjali severa, u/jew li tgħix f’unità domestika b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol. Iċ-ċifra baqgħet relattivament stabbli meta mqabbla mal-2021 (95.4 miljun, 22 % tal-popolazzjoni).
Dan f’kontinent sinjur. Għalhekk aħna mal-Ħodor Ewropej insejjħu għal Patt Soċjali u Ekoloġiku ġdid.
Għalxejn il-gvern u l-media tal-Partit Laburista jipprovaw idawwru d-diskors. Mhux aċċettabbli li aktar minn mitt elf persuna f’Malta jgħixu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Missu jara x’jagħmel biex niġu l-aħħar fil-lista tal-pajjiżi tal-UE fin-numru ta’ persuni li jgħixu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minflok jikkuntenta ruħu li ħarira taħt il-medja. F’din il-klassifika li tiġi l-aħħar huwa tajjeb.
Jekk id-dħul tiegħek huwa anqas minn €10,000 (ċifra diġa baxxa mmens), iċ-ċekk ta’ €140 mhux se jagħmel xi differenza. Jekk vera ried inaqqas il-faqar aħjar kieku minflok qassam ċekkijiet ta’ sittin Ewro lil min għandu paga mhux ħażin ta aktar lil min verament qiegħed jaħdem u xorta fqir! Imma s-soluzzjonijiet vera jridu jkunu soluzzjonijiet fit-tul: living wage, servizzi pubbliċi li fihom infushom inaqqsu l-ispejjeż, u COLA (b’basket revedut għaż-żminijiet tal-lum) li tingħata darbtejn fis-sena minflok sena b’lura.
Leave a Reply