Il-ONE News eċitati dwar l-inkompetenza ta’ Miriam Dalli

Illum, forsi għax l-ewwel ta’ April, b’ħafna inċens tant li tħoss l-istonku tiela’ ONE News b’eċitament kbir qalilna kif Miriam Dalli reġgħet ftehmet fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex Malta tkompli bid-deroga dwar mit-tnaqqis ta’ 15% fl-użu tal-gass fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Li ma qalux huwa li l-Ministru kellha titkarrab għal din id-deroga frott l-inkompetenza tal-gvern. Frott l-ikompetenza ta’ delinkwenti bħas-suppost bravu Konrad Mixtri li naqqsu milli jinvestu f’aktar aktar enerġija rinovabbli. Miriam Dalli lanqas qed taqta’ l-blat lanqas biex niġġeneraw kemm nifilħu enerġija rinovabbli f’pajjiżna stess. Anzi l-Gvern Malti u l-Membri Parlamentari Ewropej kollha Labour u PN, f’alleanza kontra s-sewwa magħruf ivvutaw kontra direttiva Ewropea biex l-bini kollu jsir żero-karbonju u jiġġenera l-enerġija mill-bejt fuq medda ta’ żmien. Ngħiduha kif inhi ir-rekord tal-PN fl-enerġija diżastru wara ieħor ukoll.

Huwa n-nuqqas ta’ viżjoni u ippjanar tal-PLPN flimkien li wassal lil pajjiżna li jkun kompletament dipendenti fuq sorsi ta’ enerġija mhux siguri, bil-kaġun li mhux l-ewwel darba li jkollna siegħat sħaħ ta’ qtugħ ta’ dawl  f’partijiet kbar tal-pajjiż. Naraw x’inhu ġej fis-sajf!

Dak li Miriam Dalli tiddeskrivi bħala viżjoni ambizzjuża tal-gvern dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima hi ferm ‘il-bogħod minn hekk. Il-membri tal-oppożizzjoni fil-Parlament ukoll m’għandhomx xi viżjoni ambizzjuża. In-nuqqas ta’ azzjoni, jfisser li se jkun hemm ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet aktar iebsa ‘l quddiem, meta il-fjuwil isir aktar għoli u l-prezzijiet ma jibqgħux prevedibbli. Il-mira tal-gvern li jilħaq il-11.5% ta’ enerġija rinovabbli mit-total gross tal-konsum tal-enerġija sal-2030 hija waħda tad-daħk. Hija biss 1.5% aktar mill-mira tal-2020 u filfatt diġà intlaħqet! Dan ifisser li l-użu ta’ sorsi tal-enerġija minn fjuwils fossili se tkompli tħalli l-impatti tagħha fuq l-ekonomija tagħna, minħabba li dan il-fjuwil huwa importat, kemm jekk bit-tankers tal-gass, kemm jekk bil-pipeline. Barra minn hekk l-elettriku mill-interconnector ukoll jpoġġi lil pajjiżna f’dipendenza totali fuq sors importat  ta’ enerġija.

Minflok miżuri fjakki li ma jbiddlu xejn u l-ħela ta’ miljuni ta’ Euro fuq interconnector ġdid, per eżempju, dawn il-miljuni għandhom jintefqu fuq enerġija rinovabbli – maħluqa f’pajjiżna stess, enerġija rinovabbli u nadifa. Dan l-investiment, inkluż investiment fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni isarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Malta, minflok li nibgħatu miljuni kbar ta’ Euro barra mill-pajjiż. Hemm il-ħtieġa urġenti li nirriservaw żoni għal attività konnessa mal-enerġija rinovabbli fl-ibħra tagħna. Għandu jkun hemm politika li  tesiġi li l-binjiet kummerċjali kollha jkollhom pannelli fotovoltajiċi. Huwa ċar li il-gvern mhux interessat li jimbotta lill-industrija tal-kostruzzjoni biex tibni bini karbonju-żero. Il-gvern lanqas m’hu interessat li jesiġi li jkun hemm l-istallazzjoni tas-sistemi ta’ solar water heaters u sistemi fotovoltajiċi fuq il-bini, la fuq proġetti kbar ġodda, aħseb u ara r-rinnovament u l-immodernizzar ta’ bini eżistenti.

Għaliex ma jkunx hemm turbini żgħar tar-riħ f’żoni industrijali? L-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinovabbli fuq bini industrijali u kummerċjali għandu jkun obbligatorju, b’inċentivi u disinċentivi adattati. Kull għajnuna finanzjarji lill-industrija u s-settur tas-servizzi għandha tkun marbuta ma’ impenn ċar  għall-mira raġjonevoli ta’ żero-karbonju. Huwa fl-interess tas-settur kummerċjali ukoll wara kollox li l-politika f’dan il-qasam tkun ċara u ambizzjuża. Din il-politika tipprovdi iċ-ċertezza meħtieġa għal investiment fit-tul. Inqas ma nkunu dipendenti fuq sorsi ta’ enerġija importata, iktar aħjar għan-negozji, għall-impjiegi, għas-soċjeta’ u għal benesseri tagħna, għas-saħħa u l-ambjent.

Sfortunatament din it-tip ta’ politika tidher li hija wisq ‘Ħadra’ u progressiva għal dan il-gvern ‘ħabib tas-suq’.

Għanda bżonn miri ambizzjużi. Mira ta’ 50% għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli fuq medda ta’ għaxar snin tkun ħafna aktar addattata għal dak li għandna bżonn. Mingħajr miri ambizzjużi it-tir ta’ żero-karbonju sal-2050 żgur mhux se jitlaħaq.


Posted

in

by

Tags:

Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *